Friday, June 21, 2024

L-Ekwador jintlaqat minn qtugħ ta’ dawl madwar il-pajjiż kollu

Aqra wkoll

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, l-Ekwador intlaqat minn qtugħ ta’ dawl madwar il-pajjiż kollu. Dan ħalla madwar 18-il miljun ruħ mingħajr provvista tal-elettriku għal diversi sigħat.

Is-sistema tas-subway fil-kapitali Quito waqfet ħesrem filwaqt li d-dwal tat-traffiku waqfu jaħdmu wkoll. Ftit wara li ġie lura d-dawl, il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi Roberto Luque tefa’ l-ħtija għal dan il-qtugħ ta’ dawl fuq nuqqas ta’ investiment fis-sistemi tal-elettriku.

Fuq il-pjattaforma X, il-Ministru Luque qal li din “kienet biss prova oħra tal-kriżi tal-enerġija li qed inħabbtu wiċċna magħha. Għal snin sħaħ waqafna ninvestu f’dawn is-sistemi u llum qed naffaċċjaw il-konsegwenzi.”

Is-Sindku ta’ Quito Pabel Muñoz iddeskriva l-inċident tal-Erbgħa bħala wieħed maġġuri li ħalla anke s-sistema tal-metro bla dawl, minkejja li għandha sistema separata għaliha.

Il-midja lokali rrapportat ukoll li l-aċċess għall-ilma tax-xorb ġie sospiż f’xi żona, b’uħud mir-residenti jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom għan-nuqqas ta’ twissija f’dan ir-rigward.

Xi sigħat wara li seħħ dan il-qtugħ ta’ dawl, is-Sur Luque ħabbar li 95% tal-elettriku madwar il-pajjiż kien irritorna. Ħafna mill-enerġija tal-Ekwador ġejja mill-pajjiż ġar tagħhom – il-Kolombja.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport