Wednesday, April 24, 2024

L-ESTREMI DWAR GĦAWDEX

Aqra wkoll

Matul is-snin ma stajtx ma ninnotax li kien hemm żewġ mudelli jikkompetu bejniethom għal kif l-iżvilupp ta’ Għawdex kellu jsir. 

Il-wieħed jinsisti fuq il-ħtieġa li l-ambjent u l-karattru ta’ Għawdex jinżammu kemm jista’ jkun bħal kif writnihom mill-imgħoddi. L-ieħor jisħaq li Għawdex u min jgħix fih ma jistgħux jinżammu lura milli jibbenefikaw mill-progress ekonomiku u soċjali, hekk li għandhom jitnedew l-isforzi kollha li jimmodernizzaw l-ekonomija u joħolqu l-ġid.

Dejjem – illum u l-bieraħ – kont issib qbil li l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ estremi ma jagħmel sens. Għawdex presepju mhux vijabbli. Għawdex ġungla jeqred il-karattru tal-gżira. Biss minkejja dal-qbil ġenerali, l-estrem tal-ġungla rebaħ il-logħba.

***

SARU KBAR WISQ

Il-kumpaniji kbar tal-internet… il-Gafa jgħidulhom: Google, Amazon, Facebook (Meta), Apple… jiddominaw is-setturi tagħhom fuq bażi globali. Jaffettwaw l-ekonomiji, il-politika, il-kultura, l-informazzjoni b’mod inkredibilment qawwi. Għandhom poter kważi bla qies.

Hu poter li malajr jista’ jwassal għal abbbużi li jkomplu mbagħad ikabbru l-influwenza tal-GAFA. Sal-lum, għadhom isiru sforzi biex il-ħidma ta’ dawn il-kumpaniji tiġi regolata fl-interess publiku. Problema hi li l-poter li effettivament igawdu dawn il-kumpaniji hu akbar minn tal-gvernijiet li jridu jirregolawhom. Ukoll, il-pass li bih it-teknoloġiji użati fuq l-internet jitjiebu u jissaħħu hu qawwi – il-liġijiet diffiċli biex iżommu l-istess pass bħalhom. 

Dan qed ifisser li r-regolamentazzjoni dwar skrutinju tal-GAFA ma tistax tlaħħaq ma’ xi jkunu qed iħasslu. 

Il-kumpaniji kbar ma jistgħux jiġu regolati b’mod xieraq. X’aktarx li wasal iż-żmien li l-gvernijiet jaqblu li minflok jirregolawhom biss, l-aħjar triq tkun li jiġu mifruda minn ġewwa biex isiru u joperaw bħala entijiet iċken. B’hekk talanqas ir-regolamentazzjoni tkun tista’ tilħaqhom aħjar u jkollhom aktar kompetizzjoni bejniethom. Hekk kien sar fl-Istati Uniti fil-bidu tas-seklu 20 meta l-industrija taż-żejt kienet spiċċat fil-kontroll ta’ monopolju, l-iStandard Oil.

***

GĦALIEX IL-LETTERATURA

Ħafna jqisu l-letteratura — il-forom kollha tal-arti fil-fatt — bħala passatemp, tajjeb għad-dilettanti. Ma tagħtihomx tort li jagħmlu hekk għax fiċ-ċirkostanzi ċkejkna ta’ Malta, il-marġini li fihom tinkiteb u tinqara l-letteratura jieħdu ta’ spiss dan it-timbru.

Mentri l-letteratura, bħala kitba u bħala qari, hi esperjenza speċjali li twasslek biex tirrifletti b’sens ta’ misterju u meravilja dwar il-ħajja umana, kif qed tingħex u kif tista’ tingħex.

Erġajt għamilt dir-riflessjoni waqt li naqra rumanz qasir “Żiemel Maħrub” ta’ Martin Walser dwar żewġt irġiel li kienu l-iskola flimkien u jerġgħu jiltaqgħu wara snin. It-tensjonijiet li jitqanqlu bejniethom, sottili imma qawwija, jiftħu għarfien “ġdid” dwar xi tfisser ħbiberija u t-tifkira tagħha.

Sport