Tuesday, May 14, 2024

L-FSWS toffri għodda importanti għal min ikun għaddej minn diffikultajiet varji

F'sena, is-servizz tal-Intake and Family Support Service fi ħdan l-FSWS ħadem ma' total ta' 1,217-il każ

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 18-il sena, li kellha titlaq mid-dar tal-ġenituri tagħha għax sfortunatament ma setgħetx tibqa’ tgħix f’ambjent ta’ ġlied kontinwu, sabet għajnuna f’waqtha grazzi għas-servizz tal-Intake and Family Support Service li permezz tiegħu ngħatat il-ħiliet neċessarji biex tkun tista’ tgħix ħajja indipendenti. Fost l-għajnuna li ngħatat din it-tfajla, ħaddiema soċjali għenitha biex tkun tista’ tifformula s-CV tagħha u permezz t’hekk eventwalment sabet xogħol stabbli bi dħul tajjeb.

Din hija waħda mill-istejjer ta’ suċċess li setgħet tkun possibbli grazzi għas-Servizz tal-IFSS, liema servizz huwa wieħed imfittex tant li matul is-sena l-2021 is-servizz ħadem ma’ total ta’ 1,217-il każ.

Maria Azzopardi, uffiċjal tal-Marketing tal-FSWS tkellmet dwar dan mas-Service Area Leader u Senior Social Worker li taħdem fi ħdan l-Intake and Family Support Service tal-Aġenzija Appoġġ, Martina Sammut Testa.

Fiex jikkonsisti l-Intake and Family Support Service tal-Aġenzija Appoġġ u x’tip ta’ għajnuna tingħata?

L-“Intake and Family Support Service”, li fil-qasir huwa magħruf bħala IFSS, huwa wieħed mis-servizzi vasti tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Is-servizz li jingħata huwa wieħed ġeneriku li jfisser li l-professjonisti li jaħdmu fi ħdan dan is-servizz jaħdmu ma’ diversi persuni u familji li jkunu għaddejin minn diffikultajiet varji. Id-diffikultajiet ivarjaw minn problemi ta’ finanzi, faqar, problemi li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet fost il-membri tal-familja, diffikultajiet fit-trobbija tat-tfal, fost oħrajn.

Meta persuna jkollha bżonn l-assistenza rigward problemi ġeneriċi, jiġifieri mhux speċjalizzati, l-ewwel kuntatt li l-individwu jkollu jkun ma’ professjonisti fi ħdan dan is-servizz. Il-ħaddiema soċjali jagħmlu dak li jissejjaħ l-assessjar li permezz tiegħu jkunu jistgħu tassew jassistu lill-individwu skont il-bżonnijiet tiegħu jew tagħha. Meta permezz tal-assessjar li jsir jirriżulta li l-problema tal-individwu hija waħda speċjalizzata, il-ħaddiema soċjali jirreferi lill-persuna għal servizz speċjalizzat, dejjem bil-kunsens tal-persuna.

Tajjeb li jingħad li s-servizz huwa magħmul minn diversi professjonisti li jaħdmu qatigħ biex ikunu jistgħu jgħinu lil kull min jiġi fil-bżonn. Dawn jinkludu ħaddiema soċjali, professional support worker u counsellor.

L-IFSS ikopri fih ukoll is-Sex work programme u l-Human Trafficking Service pero għal fini ta’ din l-intervista se nkun qed niffoka fuq is-servizz ġeneriku IFSS.
Dan is-servizz iservi bħala l-ewwel kuntatt għal klijenti ġodda li jkollhom bżonn l-assistenza.

Min huma dawk in-nies li jistgħu jibbenefikaw minn dan is-servizz u x’għandhom jagħmlu dawk li jixtiequ jibdew jirċievu l-għajnuna?

Is-servizz huwa offrut lil dawk il-persuni li jgħixu fil-lokalitajiet fejn m’hemmx dak li jissejjaħ community service, jew aħjar servizz fil-komunità. Persuni li jirrisjedu f’lokalità fejn hemm servizz fil-komunità tagħhom huma assisstiti fil-komunità tagħhom stess.

Fil-każ fejn persuni jgħixu f’post fejn m’hemmx is-servizzi tal-komunità, jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna mingħand il-professjonisti tal-IFSS. Uħud minn dawn il-lokalitajiet jinkludu l-Ħamrun, il-Marsa, San Ġiljan, il-Mellieħa, Raħal Ġdid, Marsaskala, Birżebbuġa u Pembroke.

Għal min jixtieq, l-uffiċini tagħna jinsabu fil-binja tal-Aġenzija Appoġġ fi Gwardamanġa u wieħed jista’ jiġi bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa bejn it-8:00a.m. u l-5:00p.m. Tajjeb li wieħed isemmi li f’każ li persuna tixtieq tirċievi għajnuna minn dan is-servizz, tista’ tagħmel kuntatt magħna billi ċċempel fuq 22959000.

F’każ li l-persuna diġà qed tiġi segwita minn professjonist, dak il-professjonist jista’ jagħmel kuntatt magħna fejn is-sitwazzjoni tiġi diskussa u jekk naraw li l-persuna tibbenefika mis-servizz, nidderiġu lil dak il-professjonist biex jagħmel ‘referral’.

Kemm taraw klijenti fis-sena u liema huwa l-akbar grupp ta’ nies li jfittxu dan is-servizz?

Bħala eżempju, meta naraw waħda mill-aħħar statistika li għandna, fis-sena 2021 is-servizz ħadem ma’ total ta’ 1,217-il każ. Minn dawn 60% kienu rġiel filwaqt li 40% minnhom kienu nisa.

Tista’ taqsam magħna xi problemi soċjali l-aktar prevalenti li tiltaqgħu magħhom?

Kif semmejt qabel, l-aktar realtajiet komuni li niltaqgħu magħhom huma problemi finanzjarji, problemi ta’ housing, nuqqas ta’ sapport u gwida, problemi ta’ saħħa mentali u emozzjonali, problemi fir-relazzjonijiet fil-familja u anke diffikultajiet fl-imġiba tat-tfal.

Jekk tistaqsini jekk hux qed naraw żieda f’dawn il-problemi, tajjeb li ngħidu li dawn il-problemi ma bdewx issa però jista’ jagħti l-każ li llum il-ġurnata hemm aktar għarfien f’dan ir-rigward.

Jista’ jagħti l-każ ukoll li qabel in-nies kienu jippruvaw isolvu d-diffikultà li jkollhom fost il-membri tal-familja tagħhom. Illum il-ġurnata, grazzi għall-fatt li l-għarfien fost il-poplu rigward dawn is-servizzi kulma jmur qed jikber, f’każ li persuna tkun għaddejja minn xi tip ta’ diffikultà taf li hemm servizzi apposta li permezz tagħhom tista’ tikseb l-għajnuna neċessarja.

Diffiċli tgħid jekk dawn il-problemi soċjali hux qed jiżdiedu jew le għax min-naħa jista’ tassew jagħti l-każ li l-problemi qed jiżdiedu, pero kif semmejt qabel, jista’ jagħti l-każ ukoll li l-għarfien żdied u hawn aktar servizzi li jistgħu jgħinu lil dak li jkun.

Is-servizz joffri wkoll il-Family Support Workshops, tista’ tispjegalna aħjar x’jikkonsisti dan il-kors?

Tajjeb li nsemmu li dawn il-Family Workshops huma serje ta’ laqgħat dwar il-familja u dawn iservu bħala grupp ta’ sapport lil dawk il-familji li jkollhom bżonn jitgħallmu ħiliet ġodda biex ikunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-ħtiġijiet tal-familja.
Il-kors jieħu madwar tminn ġimgħat fejn ikun hemm laqgħa darba fil-ġimgħa. Dan mhux kors personali li jsir fuq bażi li tissejjaħ one-to-one imma huwa kors fejn in-nies jiltaqgħu bħala grupp.

Għal min huwa interessat, uħud mis-sessjonijiet li jkollna jinkludu kif nipprattikaw komunikazzjoni ċara u diretta, ħiliet relatati mat-trobbija u kif insibu bilanċ bejn il-familja u x-xogħol, fost l-oħrajn.

Għal dawn il-Workshops m’hemmx għalfejn tipparteċipa l-familja kollha iżda jipparteċipa membru wieħed tal-familja u l-laqgħat isiru kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti.

Is-servizz huwa wiehed volontarju?

Iva, is-servizz huwa wieħed volontarju u jingħata biss bil-kunsens tal-persuna. Fil-każ tal-minuri, dawn ukoll jistgħu jirċievu għajnuna minn dan is-servizz però jkun hemm bżonn jew il-permess tal-ġenituri jew tal-kustodji tagħhom.

Tista’ taqsam magħna xi stejjer ta’ suċċess li kellkom?

Aħna nemmnu li l-aktar pass importanti huwa meta l-persuna tirrealizza li għandha problema u diffikultà u tfittex l-għajnuna. Kien hemm diversi persuni li fittxew l-għajnuna u f’ċerti każijiet ma ġewx biss huma iżda ħeġġew ukoll nies oħrajn biex jirrikorru għall-għajnuna li tingħata permezz ta’ dan is-servizz
Kellna diversi stejjer ta’ suċċess però waħda partikolari kienet tikkonċerna tfajla ta’ 18-il sena li kellha titlaq mid-dar tal-ġenituri tagħha għax sfortunatament ma setgħetx tibqa’ tgħix f’ambjent ta’ ġlied kontinwu. Għall-bidu din it-tfajla sabet akkomodazzjoni temporanja ma’ ħabiba tagħha. Din it-tfajla kellha bżonn ħafna sapport biex tkun tista’ tiġi aktar fuq saqajha u ssir indipendenti. Għaldaqstant il-ħaddiema soċjali kienet essenzjali biex tgħinha tagħmel CV fejn eventwalment din it-tfajla sabet xogħol stabbli bi dħul tajjeb.

Ħaġa oħra importanti kien għall-fatt li din it-tfajla ngħatat l-għajnuna biex tikseb il-ħiliet biex tkun tista’ titgħallem tfaddal il-flus u bdiet tikri. Apparti minn hekk, hija wkoll ġiet gwidata fl-iskemi tal-Awtorità tad-Djar u kif tista’ tibbenefika minnhom u fil-fatt hija bbenefikat ukoll mis-sussidju tal-kera. Grazzi għas-sapport u għas-servizz, din it-tfajla bdiet tgħix ħajja indipenendi, baqgħet iżżomm ix-xogħol u mhux biss ingħatat għajnuna prattika iżda wkoll għajnuna emozzjonali fejn permezz t’hekk setgħet tipproċessa t-trobbija diffiċli li esperjenzat.

Permezz tal-IFSS, din it-tfajla ngħatat il-ħiliet neċessarji biex tkun tista’ tgħix ħajja indipendenti. Dan grazzi għall-fatt li dan is-servizz, apparti mill-ħaddiema soċjali li jaħdmu fuq ħiliet prattiċi, għandna wkoll counsellor fejn tkun tista’ tgħin lill-individwi jipproċessaw dawk it-trawmi li sfortunatament ikunu għaddew minnhom.

X’inhu l-messaġġ li tixtieq tgħaddi lill-poplu?

L-iktar messaġġ li nixtieq inwassal lil kull min qed jaqra dan l-artiklu huwa li teżisti l-għajnuna – kif jingħad ċar fil-logo tal-Fondazzjoni li aħna qegħdin “Hawn Għalik”. Meta tħoss li tinsab waħdek u ma tafx kif se toħroġ minn xi sitwazzjoni diffiċli li qed tesperjenza, u forsi tħoss li l-ħajja tiegħek qed tikkrolla, ftakru li ħadd mhu waħdu u hemm l-għajnuna. Tiddejqux tirrikorru għall-Intake and Family Support Service fejn tistgħu jew iċċemplulna fuq it-telefon li semmejt ftit qabel f’din l-intervista jew tiġu żżuruna fil-binja tal-Aġenzija Appoġġ fi Gwardamanġa mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

F’każ li s-sitwazzjoni li għaddejjin minnha nqalgħet barra minn dawn il-ġranet, wieħed għandu jiftakar li fis-Supportline 179.

Għajnuna hawn – jekk forsi s-sitwazzjoni li tinsab fiha hija ftit jew wisq diffiċli u taħseb li m’intix se toħroġ minnha, taqta’ qalbek qatt għax tassew hawn professjonisti li jinsabu lesti biex jgħinuk u jagħtuk l-għajnuna li għandek bżonn.

Sport