Wednesday, April 24, 2024

L-GĦAQAL

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Sa ftit taż-żmien ilu, is-sens ta’ għaqal kien iwassal biex il-biċċa l-kbira tan-nies tonfoq biss minn flus li diġà jkollha f’idejha waqt li tfittex li tfaddal minnu għall-futur. Kien żmien fejn anke jekk kien naqas il-faqar, il-biża’ tiegħu kien għadu qawwi. Imbagħad l-istat soċjali bil-provista ta’ servizzi tas-saħħa u l-introduzzjoni ta’ pensjonijiet daħħal sens ta’ sigurtà. Sadattant, it-titjib fl-istandards tal-għajxien kien għadu jrid jirranka.

Meta dan ġara, il-ħsieb dwar x’inhu għaqli u x’mhuwiex inbidel radikalment. Li tissellef biex tixtri karozza jew għamara saret ħaġa normali, wisq aktar dar. Li tikkonsma prodotti jew servizzi ħafna anqas neċessarji, bħal libsa jew vjaġġ, l-istess. Fost ħafna naqas l-interess fit-tfaddil.

L-inkoraġġimenti għal dejjem aktar konsum baqgħu jiżdiedu. M’għadhiex ħaġa ċara x’inhi t-tifsira tal-għaqal fl-imġiba finanzjarja tal-individwi u tal-familji llum.

KUMMISSJONIJIET

Ix-xenarju tal-amministrazzjoni publika sar iffullat b’numru kbir ta’ kummisjonijiet, aġenziji, korporazzjonijiet, kumpaniji tal-gvern, awtoritajiet u ma nafx xhiex aktar. F’numru ta’ każi, jaħbtu ma’ xulxin u jidħlu f’xulxin fil-ħidmiet li huma responsabbli għalihom.

Ir-regolamenti li jżommuhom għaddejja u kif għandhom jimxu huma qodma u mhux għal kollox rilevanti għas-sitwazzjoni tal-lum, u dwar kif jittieħdu deċiżjonijiet xejn trasparenti bil-possibiltajiet ta’ konfużjoni u ta’kunflitt ta’ interess dejjem preżenti.

Iż-żmien meta l-ewwel inħass il-bżonn għal korporazzjonijiet distinti mill-bqija tal-amministrazzjoni “tradizzjonali” ilu li kien. Is-sitwazzjoni tal-lum hi kompletament differenti. Talanqas għandha ssir reviżjoni ta’ għaliex baqgħu jinżammu dawn il-korpi amministrattivi distinti u kif għandhom jiġu regolati u mmexxija skont iċ-ċirkostanzi tal-lum.

PJAN TA’ ŻVILUPP

Waqt li qed nisimgħu ħafna dwar il-ħtieġa ta’ bidla jew aġġornament fl-istrateġija ekonomika tagħna, minn kif jissemmew l-affarijiet jidher li ta’ spiss tqum konfużjoni dwar xhiex eżattament jeħtieġ jinbidel. Biex l-isforzi ta’ bidla jekk u meta jsiru jagħmlu sens, jeħtieġ ikunu koerenti ma’ xulxin. Kulħadd ikun qed jaqra mill-istess paġna meta jsiru, is-settur privat, il-gvern u r-rappreżentanti tiegħu, l-Oppożizzjoni u l-membri tagħha, u s-soċjetà ċivili kif sirna nsejħulha.

Lejn l-aħħar tas-snin tmenin tas-seklu l-ieħor, l-amministrazzjoni ta’ Dr Fenech Adami kienet waqqfet il-prattika segwita sa dak iż-żmien li jinħarġu Pjani ta’ Żvilupp. Dan kien bi twettiq fostna ta’ prinċipji liberali ta’ tmexxija ekonomika. Intqal li pjani ta’ żviluppi kienu jgħoddu forsi għal ekonomija ċentralizzata imma għal ħadd aktar.

Issa, il-Pjani ta’ Żvilupp tas-snin sittin sat-tmenin kienu indikattivi għax bl-ebda mod ma setgħu jkunu tat-tip Sovjetiku, bil-ftuħ li minn dejjem ikkaratterizza l-ekonomija Maltija.

Forsi wasal iż-żmien li nerġgħu indaħħluhom bħala għodda ta’ direzzjoni?

Sport