Wednesday, November 6, 2024

L-GĦAQDIET VOLONTARJI TAL-FESTI… IL-BŻONN TA’ PERSUNI FULL-TIME

Aqra wkoll

Tista’ tgħid li b’mod regolari nisimgħu fuq l-importanza tal-kultura. Kemm hu importanti li din tingħata mhux biss l-attenzjoni imma tkun mgħejjuna. Dan biex nikkonservaw dak li għandna għal ta’ warajna. Qegħdin nitkellmu fuq wirt storiku, tradizzjonijiet u l-arti. Dawn huma parti mill-identità tagħna.

Riċentament rajna kif per eżempju il-festi Maltin ġew meqjusin bħala wirt intanġibbli tal-UNESCO. Ħidma li saret mingħajr ħafna pompa u bi preparazzjoni kbira u li finalment tat ir-riżultat.

Imma il-festa Malti, kienet hemm, tinsab fostna u tibqa’ tkun fostna dejjem jekk fl-irħula u l-ibliet tagħna, fil-partiti tal-festi u fil-każini tal-baned jibqa’ jkun hemm nies iddedikati. Persuni li jagħtu ħinhom jew ħafna mill-ħin tagħhom biex jorganizzaw l-attivitajiet. Jipprepaw għall-festa. Jarmaw. Iżarmaw. Hemm dawk involuti fil-piroteknika, li ssibhom jaħdmu matul is-sena kollha mingħajr ħafna pompa.

Lil dawn il-volontarji qegħdin nistmawhom kemm suppost? Qegħdin intuhom il-valur li jistħoqqilhom? Il-ħidma tagħhom qegħdin nagħmlu aktar faċli jew aktar diffiċli? Wieħed malajr jargumenta li llum hawn ħafna opportunitajiet għal fondi. Dan hu minnu. Il-mistoqsija li toħroġ imma hi kemm qegħdin nagħmlu faċli biex wieħed jaċċessa dawn il-fondi?

Qegħdin nistaqsu dan għax b’mod regolari jaslulna ilmenti minn dawk involuti fil-festi u fil-baned dwar dan. Hu fatt li llum biex wieħed jorganizza festa jew imexxi każin ta’ banda hemm bżonn impenn ħafna iktar minn qatt qabel. Dawk involuti llum jgħidulek li l-ħidma f’każin jew festa saret qisha ‘job full tajm’ minħabba l-impenn li hemm.

Ix-xogħol volontarju ta’ dawk involuti fil-festi u fil-baned matul sena sħiħa ta’ festi diffiċli biex jitkejjel. Hu xogħol imprezzabbli imma li m’aħniex intuh il-valur li għandu bżonn. Biex dan ix-xogħol jingħata l-valur hemm bżonn li titnaqqas il-burokrazija.

Hemm bżonn li jkun hemm tagħrif ċar kif wieħed jista’ japplika għal fondi u tagħrif ta’ x’wieħed għandu bżonn biex l-applikazzjoni issir fil-ħin u tiġi aċċettata. Tista’ b’mod regolari volontari jilmentaw mill-fatt li jkunu fasslu proġett, u dan ikun ħadilhom sigħat twal ta’ xogħol, japplikaw iżda ma jiġix aċċettat.

U dan ikun ifisser ħela ta’ ħin għalihom. Ikun ifisser sforzi fil-vojt. Ikun ifisser fuq kollox diżappunt għal dawk involuti. Nemmnu li kienet għaqlija il-proposta li saret fl-aħħar jiem li biex jissaħħu s-soċjetajiet mużikali u l-organizazzjonijeit tal-festi tagħna, għandhom ikunu kkunsidrati persuni li jaħdmu fuq bażi full-time f’dawn is-soċjetajiet. Jekk nieħdu l-festi naraw li saru żviluppi kbar.

Ibda mill-armar u d-disinji. L-iżvilupp fit-tiżjin u kif llum qegħdin naraw tiżjin elaborat maħdum minn artisti. Jekk nieħdu l-baned tagħna naraw li dawn ħarrġu ħafna mużiċisti u ingħata contributi kbir fl-iżvilupp tal-mużika Maltija.

Li dawn ikollhom persunia magħhom jaħdmu fuq bażi full-time, tfisser li inkunu qed nippreservaw l-ewwel nett il-memorja kollettiva ta’ dawn is-soċjetajiet mużikali imma wkoll insostnuhom għall-isfidi ġodda tal-lum.

Naħsbu li wasal iż-żmien li llum mhux nibqgħu ngħidu biss lis-soċjetajiet li għandhom il-fondi disponibbli. Irridu naraw li jkollhom persuni mgħarrfa, imħarrġin u fuq kollox li jkollhom il-ħin li jfasslu proġett kulturali u jwassluh għall-approvazzjoni. Biex dan isir hemm bżonn ħin sostanzjali kemm biex jitfassal il-proġett u anke biex issir l-applikazzjoni.

B’dan il-mod li nkunu qegħdin nagħmlu pass ieħor biex nassigura li l-festi u l-baned tagħna qegħdin f’pożizzjoni li jħarsu għall-futur b’moħħhom mistrieħ.

Sport