Sunday, May 5, 2024

L-għargħar tal-Pakistan ħalla ħsara ta’ madwar $10 biljun

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Ippjanar tal-Pakistan qal li skont stimi bikrin, id-devastazzjoni li kkawża l-għargħar li laqat lil dan il-pajjiż se tiswa minn tal-inqas $10 biljun. 

Il-kummenti ta’ dan il-ministru segwew kumment li ta ministru ieħor fejn dan tal-aħħar qal li terż ta’ dan il-pajjiż jinsab mgħarraq taħt l-ilma. 

Intant, nhar it-Tnejn li għadda l-Pakistan irċieva s-somma ta’ $1.1 biljun f’bailout mingħand il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), fondi li huma intiżi biex jagħtu sostenn tant bżonjuż lill-ekonomija ta’ dan il-pajjiż li qiegħda tiffaċċja problemi kbar – sitwazzjoni li issa ggravat bil-bosta kawża ta’ dan l-għargħar.

Ix-xita qalila li kienet ikkawżata minn monsoon storiku ħalliet 1,136 persuna mejtin filwaqt li affettwat iktar minn 33 miljun persuna –iktar minn 15% tal-popolazzjoni kollha tal-pajjiż. Ix-xita torrenzjali ħalliet ħsarat kbar ħafna fuq toroq, għelieqi, djar, pontijiet u infrastruttura oħra. 

Meta mistoqsi mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, il-Ministru tal-Infrastruttura Ahsan Iqbal qal li l-estimi preliminari qed juru li l-ħsara tammonta għal għaxar biljun dollaru. Iqbal żied jgħid li kawża ta’ dan kollu, il-pajjiż se jkun qiegħed jiffaċċja tnaqqis serju fil-provvista tal-ikel u saħaq li dan hu diżastru agħar minn dak li kien seħħ lura fl-2010 meta dakinhar 2,000 persuna kienu tilfu ħajjithom. Minħabba dan kollu, huwa ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħti l-għajnuna lill-Pakistan li skontu huwa vittma tat-tibdil fil-klima li qiegħda sseħħ kawża ta’ “żvilupp irresponsabbli mid-dinja żviluppata”.

Biex tiġi miġġielda l-problema tal-ikel il-Ministru tal-Finanzi Miftah Ismail qal li l-Pakistan qiegħed jikkunsidra li jimporta ħaxix mill-Indja, u dan minkejja li hu pajjiż rival. 

Qabel seħħ dan l-għargħar, l-ekonomija tal-Pakistan kienet diġà tinsab għarkupptejha tant li l-pajjiż ilu żmien jinnegozja mal-IMF dwar bailout. Statistika pubblikata riċentament mill-Pakistan turi li  r-riserva ta’ muniti barranin, li tintuża biex dan il-pajjiż ikun jista’ jimporta, se sservi għal xahar biss  u dan hekk kif l-ekonomija qiegħda tesperjenza inflazzjoni annwali ta’ 25%.  Skont l-IMF l-ekonomija tal-Pakistan, qabel l-għargħar, sofriet minn intoppi barranin li parti minnhom seħħew bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna u problemi politiċi domestiċi li wasslu għal tkabbar mhux bilanċjat.

Sport