Wednesday, April 29, 2026

L-GĦAŻLA HI ĊARA

Aqra wkoll

Wara ġimgħat ta’ spekulazzjonijiet dwar it-tħabbira tad-data tal-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar din id-data b’mod uffiċjali. F’messaġġ lin-nazzjon, il-Prim Ministru ħabbar li l-elezzjoni se ssir nhar it-30 ta’ Mejju li ġej. U wara li tħabbret din id-data, iż-żewġ partiti ewlenin minnufih bdew bil-kampanji rispettivi tagħhom. 

B’hekk, ingħata bidu uffiċjalment għall-proċess li se jwassal biex minn hawn u fi ftit tal-ġimgħat oħra, il-poplu Malti u Għawdxi se jagħżel min se jmexxih fil-ħames snin li ġejjin. Għalhekk il-poplu għandu għażla quddiemu, u kif qal il-Prim Ministru nnifsu, pajjiżna jeħtieġ Gvern elett b’mandat ġdid iffukat biss fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiż. Dan anke fl-isfond tas-sitwazzjoni internazzjonali straordinarja ta’ bħalissa.

Iżda kif dejjem jingħad, kull elezzjoni titlaq minn xejn b’xejn. Li hu żgur hu li l-poplu ma jistax jinsa l-ħidma kontinwa ta’ Gvern Laburista, l-għajnuniet soċjali kbar li qiegħed jagħti u kif ukoll iż-żamma tas-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Bl-istess mod, il-Prim Ministru qed jagħti garanzija ta’ stabbiltà. 

Nemmnu li din għandha tkun kampanja elettorali bil-għaqal u li ma xxekkilx l-avvanzi kbar li saru f’dawn l-aħħar snin. B’ekonomija b’saħħitha, li setgħet tinżamm għax dan il-Gvern baqa’ dejjem jemmen f’mudell ekonomiku progressiv, il-poplu jkun jista’ jkompli miexi ’l quddiem lejn prosperità ġdida. Dan filwaqt li ma ċeda għall-ebda pressjoni u ma xeħet l-ebda piż fuq in-nies. 

Għalhekk din hi l-għażla li għandu quddiemu dan il-poplu. Għażla bejn Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li f’ċirkostanzi straordinarji u sfidi oħra bla preċedent bħalma kienu l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, diġà wera kif jista’ jmexxi f’dan il-maltemp kollu u jkompli jsostni lill-familji u lin-negozji, waqt li min-naħa l-oħra ħaddieħor qiegħed jispekula b’wegħdiet li sal-lum ma hemmx indikazzjoni ċara ta’ kif dawn se jitwettqu fosthom f’dak li jirrigwardja t-trasport tal-massa u miżuri oħra f’setturi bħalma huma l-catering fejn il-mod ta’ kif dawn se jiġu attwati għadu ħadd ma jaf. 

F’mumenti bħal dawn, ma tistax tispekula. Trid tagħżel min qed jagħtik garanziji. Aħna nemmnu li l-poplu se jkun qed jixtarr tajjeb dak li jiġi ppreżentat lilu qabel jieħu din id-deċiżjoni kruċjali għall-futur tal-pajjiż. U fl-aħħar nett se jkun qed jagħmel din l-għażla tiegħu b’serenità u b’konvinzjoni. Li hu żgur li b’dak li qed jippreżenta l-Partit Laburista, in-nies jafu fejn qegħdin u jafu fejn sejrin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport