Meta kien qed jindirizza mass rally fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din se tkun kampanja li twieġeb għall-ħolm tan-nies. Huwa stqarr li “tajtkom sinjal sa mill-ewwel mument li dak li ksibna flimkien se nkunu qed niggarantuh, iżda aktar minn hekk mimlijin bl-ideat għall-futur. Nistgħu nagħmlu dan għaliex minkejja l-isfidi kollha pajjiżna baqa’ għaddej, ħa ħsieb kulħadd.”
Dr Abela semma kif diġà bdew jispjegaw il-pjan tagħhom għal Malta t’Għada fejn tressqu l-ewwel sett ta’ proposti. Huwa qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se kunu qed jiġu preżentati sensiela ta’ proposti oħra. “Sa tmiem il-ġimgħa se tifhmuni x’ridt infisser meta għedt li l-kbir għadu ġej,” qal il-Prim Ministru.
Huwa tenna li dan se jkun manifest li jagħti viżjoni għal pajjiżna, għal li ġej. Manifest responsabbli, li jiggarantixxi l-prosperità ta’ ġensna waqt li jdur mal-enfasi tal-lum il-ġurnata, “dik li nkunu magħkom f’kull parti ta’ ħajtek.”
Dr Abela fisser ukoll kif dan il-Gvern wettaq miraklu ekonomiku, wieħed wara l-ieħor. Naqqas il-piż tad-defiċit filwaqt li l-piż tad-dejn hu fost l-inqas li qatt kien. “Irridu li f’dawn il-mumenti fejn issa pajjiżna huwa aktar b’saħħtu, li nkunu magħkom aktar,” qal il-Prim Ministru.
“Dan se jkun il-kejl ġdid tas-suċċess ta’ pajjiżna – il-wellbeing tagħkom, is-sodisfazzjon bil-ħajja tagħkom, l-iżvilupp uman f’pajjiżna. L-ekonomija se tibqa’ l-pedament ta’ dan kollu. Il-Gvern irid ikun it-tarka tagħkom u jrid ikun spalla.”
Il-Prim Ministru kompla billi elenka l-miżuri li ġew imħabbra t-Tnejn, fejn qal li jekk il-poplu jagħtihom il-fiduċja fit-30 ta’ Mejju, iż-żgħażagħ se jsibu jistennihom ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul sa €30,000 għal tliet snin. “Dan hu biss il-bidu. Stennew aktar proposti mit-Tlieta stess.”
Huwa tkellem ukoll dwar l-għajnuna li se jkomplu jingħataw lill-first time buyers u qal li se tiġi introdotta skema ġdida ‘My First Home’ fejn il-Gvern jislef sa 25% tal-valur tal-propjetà lill-first-time buyers bla interessi.
Qal ukoll li permezz tal-proposta Our Next Home, familji b’aktar minn wild wieħed li jkollhom bżonn dar akbar se jibbenefikaw ukoll minn inċentivi tal-first-time buyers, inkluż dawk relatati mat-taxxa tal-boll u grants għal proprjetajiet f’UCAs.
Ma’ dawn hemm ukoll it-tisħiħ fiċ-child bonus għal total ta’ €5,000 għal kull tarbija. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jaqsam man-nies aktar u aktar proposti taħt dan il-patt soċjali ġdid. “Nofs biljun ewro għall-ġenituri ġodda. Intom is-sisien ta’ pajjiżna. Se ssibuna magħkom u warajkom f’kull mument.”
Il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll li l-leave tal-maternità se jitla’ għal 26 ġimgħa, żieda ta’ tmien ġimgħat fuq il-leave preżenti. Il-leave tal-paternità jitla’ minn ġimagħtejn għal xahar. Filwaqt li jiġu introdotti sitt xhur parental leave imħallas mill-Gvern.
Il-Prim Ministru semma wkoll li sa ħames snin oħra, il-pensjonijiet se jiżdiedu b’minn tal-inqas €50 fil-ġimgħa. Huwa assigura li kull ewro żieda li se tingħata lill-pensjonanti, se jkunu qegħdin igawduha sħiħa.
Huwa temm jgħid li “ġej żmien sabiħ ħafna għal pajjiżna. Malta suċċess sakemm intom suċċess. Wasalna s’hawn imma mhux se nieqfu. Fadlilna wisq x’nistgħu niksbu għal Għawdex u Malta tagħna.”
Waqt il-mass rally, indirizza lil dawk preżenti Dr Franco Mercieca, li ħabbar li laqa’ l-invit tal-Prim Ministru Robert Abela biex jikkontesta mal-Partit Laburista fuq it-12-il Distrett.
Sadanittant, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Naomi Cachia kkonfermat li se tkun qed terġa’ tikkontesta l-elezzjoni ġenerali.


