Il-General Workers’ Union fakkret it-68 anniversarju mill-istrajk ġenerali li sar fit-28 ta’ April 1958. Bħalma jsir kull sena, saret ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri biswit il-monument fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid li jfakkar lill-“eroj” li kienu arrestati u ntbagħtu l-ħabs fl-istrajk.
Preżenti kien hemm l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU li kienet komposta mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali (Designate) Kevin Camilleri u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela.

Bħalma jagħmel kull sena, Alfred Galea – li kien wieħed mill-ħaddiema li safa aggredit u arrestat fl-irvellijiet ta’ 68 sena ilu – kien ukoll preżenti għal din iċ-ċerimonja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fakkar kif waqt l-istrajk tat-28 t’April 1958, il-ħaddiema kienu obdew id-direttivi li kienet ħadet il-GWU. Stqarr li din kienet sitwazzjoni fejn il-ħaddiema Maltin kienu qed jitolbu li jkollhom l-istess kundizzjonijiet u drittijiet bħal ħaddiema barranin Ingliżi.
“Hawnhekk ħafna nies iqisu li dan kien il-bidu ta’ dak il-moviment li qajjem ix-xrara biex nibdew mexjin lejn l-Indipendenza u finalment lejn ir-Repubblika u l-Ħelsien. Dawn in-nies bqajna kull sena nagħtuhom ġieħ. Dawn huma l-pijunieri ta’ dak li llum qed ingawdu bħala soċjetà Maltija,” qal Bugeja.


