Sunday, December 22, 2024

L-ikla tradizzjonali Maltija tal-Milied… Inbidlet xi ftit iżda li ma nbidilx hija l-okkażjoni biex il-familji jingħaqdu jgawdu lil xulxin madwar il-mejda 

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Żmien il-Milied huwa żmien l-għaqda, żmien li fih il-familji jinġabru ħalli wara sena xogħol u impenji, fl-aħħar ikollhom ħin biex igawdu lil xulxin. Il-Malti jgawdi wkoll, għax iħobb, l-ikla tradizzjonali tal-Milied fejn bejn platt u ieħor ħallina niċċajtaw u naqsmu mal-għeżież tagħna dak  li għaddejna minnu kif ukoll l-aspirazzjonijiet għas-sena l-ġdida li tibda ġimgħa wara.

Il-preparazzjoni għal din l-ikla tant mistennija, bħar-rigali, tibda minn qabel sew u ħallina niġru bil-lista fil-ħwienet, nixtru u nerfgħu l-ingredjenti fil-kċina u nistennew bil-ħerqa l-preparazzjoni. Finalment is-sodisfazzjon barra żaqqna mimlija hija l-espressjoni ta’ sodisfazzjon fuq wiċċ l-għeżież tagħna meta jduqu dak li ppreparajna għalihom f’din l-ikla speċjali.

Interessanti huwa l-fatt li l-ikel tradizzjonali Malti tal-Milied maż-żmien, bħal affarijiet oħra, evolva. Qabel missirijietna, li ma kellhomx il-mezzi finanzjarji u l-għażla varjata li għandna llum, kienu jippreparaw l-imqarrun il-forn, il-pastizzi u l-qassatat. Mentri, bħala deżerta kienu jagħżlu fil-maġġorparti l-qagħaq tal-għasel. Popolari kienu wkoll il-qastan, l-imbuljuta u l-ixkumvat. Dan tal-aħħar kien qisu spagetti moqli miksi biz-zokkor. 

Dik l-imbuljuta sħuna sħuna…

L-istorja tax-xarba tal-imbuljuta hija interessanti tassew, xarba li tista’ tgħid hija Maltija. Sħuna sħuna, tinżel għasel f’dawn iż-żminijiet kesħin. Dari din kienet l-aktar tiġi offruta wara l-quddies ta’ nofsillejl. Il-familjji kienu jirritornaw id-dar wara l-quddies u ħallihom jgħidu kelma fuq kikkra imbuljuta. Il-kokkodina, il-qastan, l-imsiefer tal-qronfol, iz-zokk tal-kannella u l-qoxra tal-mandolina huma l-ingredjenti prinċipali. Għalkemm maż-żmien din naqset fil-popolarità, għad hemm familji Maltin li baqgħu jżommuha ħajja. Il-ħaruf jew il-ħasi li kienu popolari qabel, ukoll naqsu minn fuq il-mejda tradizzjonali Maltija tal-Milied iżda għad hawn min baqa’ jżommhom bħala l-għażla favorita tiegħu.

F’dawn l-aħħar snin, l-aktar ikla popolari tal-Milied sar id-dudjan jew serduk il-forn u bħala deżerta hija l-pudina tal-Milied. Tajjeb li ngħidu li ma’ dawn, għadd ta’ familji qegħdin jagħżlu alternattivi oħra mhux daqstant traddizzjonali imma wkoll tajbin ħafna għall-palat. Hemm il-lasagna, il-papra l-forn imsajjra bil-larinġ u l-għasel u hawn min jippreferi xi ħuta tajba. Bħala deżerta huwa l-għażla ta’ ħafna l-panettone għalkemm dan ukoll mhuwiex tipiku Malti. Ma jonqosx forsi xi ftit lewż u varjetà ta’ ħelu li wkoll daħlu fin fin fuq il-mejda tal-ikla tal-Milied tagħna.

Hawn naraw kemm il-gosti huma varji u kif maż-żmien jinbidlu. Li huwa żgur huwa li l-għaqda tal-familji f’dawn iż-żminijiet ta’ festi baqgħet l-aktar għażla favorita u miżmuma. It-tradizzjoni hija dik li tiddefenixxina bħala poplu. Għaldaqstant, hekk kif qegħdin inwasslu dan it-tagħrif, inħeġġukom tagħżlu ikel tradizzjonali Malti tal-Milied. Dan huwa wirt uniku li għaddulna missirijietna u ta’ min jgħaddih lil uliedna u lil ulied uliedna.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport