Tuesday, April 16, 2024

“L-immaġinazzjoni u l-kreattività tal-artist bla limitu… fejn l-opportunitajiet ma jiġux, joħloq hu”

Antonella Galea Loffreda

Aqra wkoll

Attriċi ewlenija f’pajjiżna. Antonella Galea Loffreda titħarreġ fid-drama ta’ età pjuttost kbira meta wieħed jikkumpara maż-żminijet tal-lum. Kellha 16-il sena. Iżda l-ġibda lejn it-teatru kienet ilha fiha minn età ferm iżgħar.

Għaliex nistgħu nsejħu r-reċtar bħala forma ta’ arti?
Kull espressjoni kreattiva li mhux biss tirrakkonta storja iżda tqanqal u titrażmetti emozzjoni hija arti u allura m’hemm l-ebda dubju li r-reċtar huwa forma artistika prominenti ħafna.

Kemm hu differenti t-televiżjoni mill-palk tat-teatru?
Differenti ħafna. Ghandna t-tendenza li npoġġuhom f’keffa waħda anke għaliex fil-pajjiż ċkejken tagħna bħal donnha nibtet it-tendenza li min jirreċta fuq il-palk jintalab jirreċta għal fuq it-televixin u viċe-versa. Dan huwa dak li ġara lili wkoll fil-verita’ għaliex minkejja li jien tħarriġt għal tliet snin sħaħ fit-teatru, immedjatament wara l-ewwel esperjenza teatrali tiegħi, sejħuli għal diversi produzzjonijiet televiżivi.

Iżda, fil-veritá, hemm baħar jaqsam bejn it-teknika li l-attur irid iħaddem fit-teatru u dik li għandu jħaddem għat-televixin. U din tpoġġi sfida kbira fuq l-attur. Nieħu gost li f’dawn l-aħħar snin jidher li ħafna aktar atturi u produtturi qed isiru konxji ta’ dan il-fatt u iktar minn hekk l-udjenzi Maltin ukoll saru jinnotaw bil-kbir din id-differenza.

Taqbel maċ-ċensura?
Maċ-ċensura ma naqbilx assolutament iżda nemmen bis-sħiħ f’dak li huwa etiku. U dan iġibni konxja ta’ kemm anke fil-ħajja ta’ kuljum qed inkunu aħna stess li niċċensuraw lilna nfusna. It-tneħħija taċ-ċensura mill-arti f’pajjiżna ċertament li kienet pass fid-direzzjoni t-tajba illi iżda għabbiet lil kull artist b’responsabbiltà akbar.

Taqbel miegħi li t-Teatru Manoel hu wieħed mill-isbaħ teatri li hawn fl-Ewropa?
Naqbel miegħek perfettament mhux biss minħabba l-istorja twila li tagħmlu wieħed mill-iktar teatri antiki fl-Ewropa li għadu jilqa’ l-udjenzi fih iżda anke minħabba l-istruttura arkitettonika tiegħu illi grazzi għar-restawr li sar matul is-snin, ġiet ippreservata tajjeb ħafna. Hija l-ħolma ta’ kull attur li jesperjenza l-palk tat-Teatru Manoel. Madankollu, illum għandna bosta teatri oħra illi joffru esperjenza teatrali differenti fl-intimita’ tagħhom fosthom it-teatru ta’ Spazju Kreattiv. Spazju għal qalbi mmens.

Int li ilek tirreċta kif rajtu jinbidel il-qasam tar-reċtar f’pajjiżna tul is-snin?
Din il-mistoqsja fakkritni li ilni 24 sena fil-qasam. Taru litteralment bħal ħolma. Li hu żgur hu li llum hawn ħafna iżjed opportunitajiet li jinstigaw aktar artisti sabiex jimirħu u joħolqu l-proġetti tagħhom. Illum f’pajjiżna hawn l-opportunita’ li l-istudenti ikomplu l-istudji teatrali tagħhom anke f’livell terzjarju. Qabel konna nittamaw li xi ħadd jinduna bina u joffrilna parti. Illum l-istorja qed tinbidel u nieħu gost niltaqa’ u nitkellem ma’ studenti f’diversi skejjel partikolarment tad-drama illi mhux biss jirreċtaw imma diġa’ qed jipproponu u jipproduċu x-xogħlijiet teatrali tagħhom. Mill-banda l-oħra jinkwetani mhux ftit in-nuqqas ta’ dixxiplina, impenn u sagrifiċċju li kultant niltaqa’ miegħu. Bħal f’kollox, ħafna jixtiequ suċċess immedjat. Fl-opinjoni tiegħi, is-suċċess li jtul jintlaħaq biss b’ħafna xogħol, perseveranza u dedikazzjoni.

Taħseb li attur f’Malta jista’ jgħix bid-drama biss?
Nixtieq ngħidlek ‘iva’ imma għadni ma nistax. Mid-drama fis-sens wiesa’ tagħha jista’ jgħix u nieħu gost nara n-numru ta’ artisti full-time jikber u jiżdied. Bir-reċtar biss ma naħsibx li wieħed jista’ jgħix komdu.

Ġieli ħsibt li tgħix barra minn Malta u taħdem hemmhekk?
Ġieli ħsibt fiha iżda qatt ma emmint li tista’ sseħħ u allura bqajt insiefer b’vaganza, immur it-teatru, noħlom għal ftit jiem u nerġa’ lura d-dar. Illum kuntenta mmens li f’pajjiżi nista’ naqla’ l-għajxien tiegħi mid-drama u x-xandir u allura dan il-ħolm inħallieh għal min hu iżgħar minni fl-etá. Nifraħ mhux ftit meta nisma’ b’żagħżagħ Maltin illi jirnexxu lil hinn minn xtutna u dan l-aħħar dawn qegħdin dejjem jiżdiedu.

Taħseb li f’pajjiżna hawn biżżejjed opportunitajiet tad-drama jew għadna limitati?
Illum m’għadux żmien li attur jistenna l-opportunità iżda wasalna fi żmien fejn l-attur joħloq l-opportunità hu stess u jekk inħarsu lejha b’dan il-mod allura nemmen illi opportunitajiet hawn kemm trid anke grazzi għad-diversi entitajiet li l-missjoni tagħhom hi li jsostnu lill-artisti.

Is-suq hu li hu u jekk f’pajjiżi oħra dramm idum għaddej ix-xhur jekk mhux snin, f’Malta dramm jittella’ fuq medja ta’ żewġ weekends u allura dan jgħabbi lill-artisti b’iktar xogħol u responsabbilta’ għaliex iridu kontinwament joħolqu proġetti ġodda. L-immaġinazzjoni u l-kreattività tal-artist bla limitu u allura fejn l-opportunitajiet ma jiġux, joħloq hu.

Attur titwieled jew issir?
M’hemmx waħda mingħajr l-oħra. It-talent nemmen li kulħadd jitwieled bih. X’jiġri minnu jiddependi minn dak li tagħmel bih kif ukoll mill-għażliet li tagħmel fil-ħajja u ċ-ċirkostanzi li tiltaqa’ magħhom. Għandek kemm għandek talent naturali nemmen li trid tirfinah bit-taħriġ u l-esperjenza.

Jekk persuna li t-talent naturali fiha mhux daqstant evidenti u b’saħħtu, tiddedika l-ħin u l-enerġija tagħha għal din il-forma artistika, nemmen li tista’ tasal. L-osservazzjoni hija għodda importanti ħafna fl-arti tar-reċtar. Il-punt tat-tluq ta’ kollox. U min mhux kapaċi josserva?

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lit-tfal u ż-żgħażagħ li huma interessati li jaqbdu karriera fir-reċtar.
Nibda billi nħeġġeġ lill-ġenituri jressqu lil uliedhom lejn it-teatru minn eta’ żgħira. Id-drama hija arti li tiffurmahom b’diversi ħiliet li ma jużawhomx biss fuq il-palk iżda fil-ħajja ta’ kuljum. L-iskola, ma’ sħabhom, fuq il-post tax-xogħol u f’tant ċirkostanzi oħra.

Lil dawk it-tfal u żgħażagħ illi eventwalment iħossu l-bżonn u x-xewqa li jibqgħu jimirħu f’din l-espressjoni artistika inħeġġiġhom ikomplu jitħarrġu u jistudjaw u jiltaqgħu ma’ artisti oħra li snin ilu kienu fil-pożizzjoni tagħhom u li llum qed jaħdmu fis-settur artistiku kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. It-teatru u l-udjenzi għandhom bżonnkom bl-istess mod kif intom għandkom bżonnhom. Mela, oħolmu, aħdmu bla heda u imirħu.

Ekonomija

Sport