Tuesday, April 23, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker:  Borg u Cachia jirbħu iżda Ciantar jsofri l-ewwel telfa

Aqra wkoll

Illum waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija fil-kategorija tas-Seniors tkompliet il-fażi tal-gruppi fejn it-tliet players Maltin kienu kollha fl-azzjoni u minn tliet logħbiet ksibna żewġ rebħiet.

Alex Borg beda l-impenji tiegħu b’rebħa kontra l-Iskoċċiż, Lee McAllister bl-iskor ta’ 3-1, bil-punteġġi tal-frames ikunu 78-72, 9-82, 60-42 u 95-36. Fl-aħħar frame huwa għalaq il-logħba bi break ta’ 43 punt.

Bit-tieni rebħa Arthur Cachia diga’ aċċerta ruħhu mill-kwalifikazzjoni għall-fażi tan-knock out. Illum huwa rebaħ 3-1 kontra l-player tal-Litwanja Darius Bublys; 49-36, 36-65, 49-10 u 77-7.

Min naħa tiegħu Philip Ciantar sofra l-ewwel telfa kontra Khurram Khan ta’ Wales bil-punteġġ ta’ 3-1. Khan kien ftit iffortunat li rebaħ l-ewwel frame għalkemm Ciantar mill-ewwel irnexxielu jġib id-draw iżda l-player ta’ Wales rebaħ iż-żewġ frames suċċessivi biex temm il-konfront; 36-69, 87-14, 21-51, u 31-66.

Għada tiġi fi tmiemha l-fażi tal-gruppi biex b’hekk ikunu nafu t-32 player li jikkwalifikaw għall-ewwel round tan-Knock Out. It-tliet players Maltin inżertaw ser jilgħabu fl-ewwel sessjoni ta’ filgħodu, dik tal-10 a.m. (9 a.m. il-ħin ta’ Malta). Alex Borg jilgħab kontra l-Polakk, Marcin Bek, Philip Ciantar kontra l-Fillandiż Jani Kananen filwaqt li l-avversarju ta’ Arthur Cachia ser ikun l-Olandiż Joris Maas li bħalu diġa ikkwalifika peress li rebaħ iż-żewġ logħbiet li lagħab. B’hekk l-importanza ta’ dan il-konfront ser tkun għal min jirbaħ il-grupp.

Sport