Friday, June 5, 2026

L-IMPORTANZA TA’ KABINETT ĠDID

Aqra wkoll

Il-poplu Malti u Għawdxi fit-30 ta’ Mejju ħa deċiżjoni demokratika. Eleġġa Gvern u lil min irid li jirrappreżentah fil-ħames snin li ġejjin fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament. Wara dik id-deċiżjoni fl-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru ħa l-ġurament tal-ħatra u sussegwentement ifforma l-Kabinett il-ġdid. 

Kabinett kompost minn 21 Ministru u żewġ Segretarji Parlamentari, li ġejjin minn oqsma varji u lkoll kompetenti fis-setturi rispettivi tagħhom. Kabinett imżewwaq b’taħlita ta’ esperjenza, kompetenza u motivazzjoni sabiex ikomplu jmexxu lil dan il-pajjiż dejjem aktar ’il quddiem. 

Quddiem dan kollu nemmnu li l-formazzjoni tal-Kabinett tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jwettaq il-manifest elettorali li għażel il-poplu, partikolarment il-ħolqien tal-ġid u l-investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Filwaqt li l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jġib riżultati ekonomiċi b’saħħithom, il-ħidma tal-Kabinett se tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jagħmlu l-ħajja tan-nies eħfef, isbaħ u aħjar.

Nisħqu fuq il-fatt li kabinett ġdid għandu importanza essenzjali għat-tmexxija tal-pajjiż għax jirrappreżenta fażi ġdida ta’ ħidma, viżjoni u direzzjoni għall-futur ta’ pajjiżna u għal ġenerazzjonijiet ta’ warajna.   Naqblu li meta jinħatar kabinett ġdid, il-poplu jistenna li jkun hemm aktar enerġija, impenn u determinazzjoni biex jitkomplew il-proġetti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Dan filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi li jaffaċċja l-pajjiż kemm illum kif ukoll fis-snin li ġejjin. L-importanza ta’ kabinett ġdid tidher l-ewwel nett fil-fatt li kull Ministru jingħata responsabbiltà speċifika biex imexxi settur importanti tal-pajjiż. Dan ifisser li jkun hemm aktar attenzjoni u ħidma ffukata fuq oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ekonomija, l-ambjent, l-infrastruttura, is-sigurtà, il-politika soċjali u l-investiment. 

Nemmnu li meta jkun hemm tmexxija b’saħħitha u koordinata, il-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem b’aktar stabbiltà u b’viżjoni ċara. Kabinett ġdid jista’ wkoll iġib miegħu ideat moderni u perspettivi differenti li jgħinu biex il-Gvern jibqa’ jaddatta għaż-żminijiet tal-lum. Dan għaliex id-dinja qed tinbidel b’pass mgħaġġel u għalhekk huwa importanti li jkun hemm tmexxija li tifhem ir-realtajiet ġodda tal-familji, taż-żgħażagħ, tal-ħaddiema u tan-negozji. 

Fl-aħħar mill-aħħar, nisħqu fuq l-importanza li dan il-kabinett ġdid mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela għandu jkun magħqud b’għan wieħed, dak li jaħdem għall-ġid tal-poplu u għall-futur aħjar għal Malta u Għawdex. Dan għaliex permezz ta’ pajjiż b’tmexxija soda, responsabbli u viċin in-nies, ikun jista’ jaffaċċja kull sfida u jkompli jibni futur ta’ suċċess, stabbiltà u prosperità għal kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport