Friday, June 5, 2026

Il-miri fiskali milħuqa ferm qabel iż-żmien

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Pajjiżna laħaq il-miri fiskali ferm qabel iż-żmien b’tim b’saħħtu li se jkompli jmexxi lil Malta dejjem aktar ’il quddiem bl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma INT Malta. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja b’rabta mal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li pajjiżna laħaq il-miri fiskali wara li rnexxielu jniżżel id-defiċit imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross taħt it-3%.

Dr Abela beda biex fakkar li meta f’Marzu tal-2020 faqqgħet il-pandemija kellu jieħu deċiżjoni strateġika li kienet waħda kruċjali. Qal li l-għażla kienet bejn żewġ direzzjonijiet li kienu kompletament kuntrastanti għal xulxin. 

L-ewwel għażla kienet dik li japplikaw politika ekonomika progressiva ta’ sostenn jew inkella t-tieni għażla kienet li japplikaw il-politika tal-awsterità. Id-deċiżjoni li ttieħdet dakinhar kienet waħda ċara, kompla jgħid il-Prim Ministru, dik li nkunu ta’ tarka għan-negozji u l-familji u l-piż nerfgħuh aħna bħala Gvern.

“Dan għamilnieh waqt pandemija u l-kriżijiet sussegwenti li ġraw fosthom bil-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, dak li għaddej fil-Lvant Nofsani u meta eskalaw it-tensjonijiet bejn l-Iżrael u l-Palestina,” tenna Dr Abela. 

Huwa qal li l-għażla li dejjem għamlu kienet waħda mnebbħa mill-prinċipju li ġaladarba għandna ekonomija b’saħħitha u l-finanzi tal-pajjiż kienu jippermettu, riedu jkunu ta’ tarka għall-poplu kollu.

Il-Prim Ministru żied jinnota li meta l-Gvern ħa dik id-deċiżjoni ewlenija, ħaddieħor “kien ikkritikana li qed inżidu d-dejn nazzjonali. Li ma fehemx hu li dak ma kien dejn xejn imma l-aqwa forma ta’ investiment li stajna nagħmlu fil-familji u fin-negozji tagħna.”

“Grazzi għal dak l-investiment fin-nies, li bqajna nżommuh b’saħħtu sal-lum u hekk beħsiebna nagħmlu għaż-żmien li ġej, irnexxielna nkabbru l-ekonomija ta’ pajjiżna b’rata bla preċedent,” qal Dr Abela. “B’mod konsistenti kellna l-aqwa rata ta’ tkabbir ekonomiku fost l-Istati Membri kollha tal-UE. Illum filwaqt li madwarna fl-Ewropa, id-defċiti qabeż it-3%, f’pajjiżna qed joqrob it-2%. Id-dejn nazzjonali bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali qegħdin on target li nnaqqsuh għal 40%.”

Dr Abela tenna li jumejn wara li reġa’ ħa l-ġurament bħala Prim Ministru, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-finanzi ta’ pajjiżna tjiebu ħafna aktar milli kien maqbul. U hekk se jkomplu jitjiebu fiż-żmien li ġej.

“Fuq il-qagħda tal-finanzi pubbliċi ma jistgħux jinxteħtu dubji”

Il-Prim Ministru qal li l-poplu Malti u Għawdxi jaf lil min għandu jislef il-fiduċja tiegħu u fuq kollox jaf lil min għandu jafda. Jaf kemm huwa importanti li f’dawn il-mument ta’ sfidi internazzjonali kbar, hu kruċjali Gvern effettiv, kompetenti u kredibbli.

Kien hawn fejn qal li dwar il-qagħda tal-finanzi pubbliċi ma jistgħux jinxteħtu dubji. U proprju fis-sigħat li għaddew, il-Gvern ngħata l-aqwa ċertifikat li qatt seta’ jkollu tal-finanzi tiegħu. Konna uniċi. “Malta the sole winner” ġie rrapportat fil-midja internazzjonali.

“Li jirnexxilek tnaqqas id-defiċit filwaqt li tkun l-uniku Gvern illi jżomm stabbiltà sħiħa fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, mhijiex b’kumbinazzjoni jew b’xi xorti tajba,” qal il-Prim Ministru li nnota wkoll li nhar it-Tlieta, il-Eurostat ikkonfermat li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi fiż-Żona Ewro. 

“Issa b’qagħda fiskali b’saħħitha se nwettqu dak li wegħedna,” qal il-Prim Ministru li spjega li għandu tim b’saħħtu biex imexxi Gvern għall-ġid tal-pajjiż u se jimplimenta l-programm ta’ ħidma biex fost oħrajn: iżid il-leave tal-maternità u l-paternità, jinċentiva aktar lill-first-time buyers, ikompli jżid il-pensjonijiet, jagħti Super Bonus ta’ €1,000 fis-sena għall-ħaddiema kollha, jinvesti fl-aqwa xjenza u teknoloġija għall-IVF, jgħin lill-ġenituri fit-terapiji għal uliedom b’diżabilità, jagħti kick-start liż-żgħażagħ li bdew jaħdmu jew fetħu start-up u jibdel f’parks nazzjonali l-White Rocks u Manoel Island.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna kemm id-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern fl-aħħar snin kienu kruċjali biex illum pajjiżna huwa l-unika pajjiż minn tmienja fl-Unjoni Ewropea li laħaq dawn il-miri fiskali. Huwa spjega li minkejja li l-Kummissjoni Ewropea tat lil pajjiżna erba’ snin biex inaqqas id-defiċit taħt it-3%, dan it-tragward intlaħaq f’sentejn biss.

Huwa qal li filwaqt li pajjiżi Ewropej oħra qed jaraw il-defiċits tagħhom jiżdiedu, f’Malta qed jiġri bil-maqlub u d-defiċit ta’ pajjiżna se jkompli jonqos sena wara l-oħra. Tant hu hekk li l-Kummissjoni Ewropea qed tantiċipa li sal-2027, se ikun hemm 13-il pajjiż fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

Il-Ministru spjega wkoll kif matul l-aħħar snin, id-defiċit ta’ pajjiżna naqas b’medja ta’ 1.3 punti perċentawli kull sena. Għas-snin li ġejjin il-Gvern qed jippjana li jkompli jnaqqas id-defiċit b’0.6 punti perċentwal u dan sabiex ikompli jagħmel tajjeb għall-impatti li ġejjin minn barra u kif ukoll biex jitwettaq il-manifest elettorali b’saħħtu li ppreżenta l-Gvern matul l-aħħar ġimgħat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport