Friday, June 5, 2026

“Tlift il-flus kollha li kont faddalt f’20 sena”

Ikompli l-każ ta’ Tammy Caruana mixlija li ffrodat madwar 200 persuna

Aqra wkoll

Aktar persuni xehdu fil-proċeduri kontra Tammy Caruana ta’ 25 sena li tinsab mixlija li ffrodat madwar 200 persuna meta ppreżentat ruħha bħala uffiċjal tal-bank.

L-ewwel xhud irrakkontat kif fid-19 ta’ Settembru 2025 kienet fuq il-post tax-xogħol tagħha fil-Qorti meta rċeviet notifika fuq il-mobile li wissietha dwar allegat login ġdid fuq il-kont bankarju tagħha. Minħabba li kienet okkupata, hija għafset fuq il-link li deher fin-notifika u spiċċat fuq paġna li kienet kważi identika għal dik uffiċjali tal-Bank of Valletta.

Skont ix-xhieda tagħha, wara li daħħlet id-dettalji tagħha, ġiet infurmata li rappreżentant tal-bank kien se jċemplilha. Ftit mumenti wara, irċeviet telefonata minn numru li deher bħala dak uffiċjali tal-bank. Mara li tkellmet bil-Malti qaltilha li kien hemm attentat ta’ login suspettuż minn laptop MacBook.

Ix-xhud qalet li l-mara infurmatha li kienu diġà ġew awtorizzati erba’ tranżazzjonijiet frawdolenti li b’kollox ammontaw għal €14,950. Hija ġiet assigurata li dawn kienu se jiġu kkanċellati wieħed wieħed u li l-proċess seta’ jieħu madwar siegħa. Barra minn hekk, intalbet tibdel il-password tal-kont tagħha u qalulha li kienet se tirċievi rapport uffiċjali bil-posta.

Kien biss ġimgħat wara li indunat li kienet vittma ta’ scam. Hija qalet li waqt konverżazzjoni ma’ kollega, surġent tal-pulizija semagħha ssemmi li kienet għadha qed tistenna dokumentazzjoni mill-bank u wissieha li dak kollu kien jixbah scam. Wara kuntatt ma’ ħabib tagħha li jmexxi fergħa tal-BOV, skopriet li l-flus tagħha kienu ġew trasferiti lejn kont bankarju fil-Ġermanja li kien infetaħ f’isimha mingħajr l-għarfien tagħha. Il-vittma qalet li qatt ma rnexxielha tirkupra l-€14,950 mitlufa.

Xhud ieħor irrakkonta kif f’Novembru tal-2024 kien irċieva telefonata minn mara li wissietu dwar allegati tentattivi mhux awtorizzati biex tintuża l-karta bankarja tiegħu. Huwa qal lill-Qorti li l-mara kellha vuċi ġentili ħafna u talbitu kodiċi relatat mal-kont tiegħu. Jumejn wara rċieva link li wasslitu għal sit li deher identiku għal dak tal-bank.

Meta mistoqsi x’ġiegħlu jafda lill-persuna fuq it-telefon, ix-xhud qal li hija sejħitlu b’ismu u kunjomu u saħansitra wissietu biex ma jagħtix dettalji oħra tal-bank fuq it-telefon “għal raġunijiet ta’ sigurtà”, fatt li għenu jemmen li kienet qed taġixxi b’mod professjonali. Dan il-każ wassal għal telf ta’ €470.

It-tielet vittma qalet li kienet ġiet ikkuntattjata minn mara li identifikat ruħha bħala impjegata tal-bank bl-isem ta’ “Rachel”. Il-mara staqsietha jekk kinitx is-Siġġiewi fil-lejl ta’ qabel u qaltilha li kien hemm attentat biex xi ħadd jaċċessa l-kont tagħha minn dik iż-żona. B’kumbinazzjoni, ix-xhud kienet tassew kienet f’Siġġiewi dak il-ħin, fatt li kompla jsaħħaħ il-fiduċja tagħha fil-persuna li kienet qed tkellimha.

Hija qalet li ġiet avżata tagħlaq il-kont immedjatament biex tevita li titlef flusha. Wara li segwiet l-istruzzjonijiet mogħtija lilha u bidlet id-dettalji tal-login tagħha, skopriet li kienu saru tliet trasferimenti mhux awtorizzati ta’ €1,250, €1,650 u €1,950.

B’emozzjoni kbira, il-mara qalet lill-Qorti li dawk kienu l-uniku flus li kienet irnexxielha tfaddal matul 20 sena. “Inħossni terribbli. Dejjem ngħid lil uliedi biex joqogħdu attenti minn scams bħal dawn u mbagħad waqajt jien stess vittma tagħhom,” qalet. Hija spjegat li eventwalment irċeviet lura €2,425 mill-bank, iżda xorta sofriet telf finanzjarju sostanzjali.

Il-każ ikompli.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-Bank of Valletta qed jidher l-Avukat Stefano Filletti, filwaqt li Banif qed tkun rappreżentata mill-Avukat Maria Lisa Buttigieg. 

Għal Tammy Caruana qed jidhru l-Avukati Roberto Spiteri, Alfred Abela, Rene Darmanin u Franco Galea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport