Meta wieħed jitkellem dwar Anthony Agius Decelis, diffiċli ma jsemmix il-kelma perseveranza. Politiku Laburist b’esperjenza twila, professjonist fil-qasam tal-ġerontoloġija u figura magħrufa għall-ħidma tiegħu favur l-anzjani u persuni b’diżabilità, Agius Decelis għadda minn diversi fażijiet fil-karriera politika tiegħu. Minn Membru Parlamentari għal tliet leġiżlaturi konsekuttivi, għal Segretarju Parlamentari u anke chairman mhux Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, huwa baqa’ attiv fil-ħajja pubblika u qrib in-nies.
Imwieled il-Pietà fl-24 ta’ Ottubru 1967, Anthony Agius Decelis huwa gradwat mill-Università ta’ Malta b’Bachelor’s Degree b’Honours fil-Youth and Community Studies in Informal Education. Aktar tard kompla jispeċjalizza b’Post Graduate Diploma in Health Management u Master’s Degree fil-Ġerontoloġija and l-Ġerjatrika. Miżżewweġ lil Josette, missier ta’ tlitt ibniet u nannu, huwa dejjem sostna li l-familja tibqa’ ċ-ċentru tal-valuri tiegħu.
L-ewwel elezzjoni tiegħu fil-Parlament Malti waslet fl-2008 mill-Ħdax-il Distrett. Reġa’ kiseb il-fiduċja tal-elettorat fl-2013 u fl-2017. Tul il-karriera tiegħu okkupa diversi karigi importanti, fosthom dik ta’ Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija u aktar tard Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva bejn l-2017 u l-2020.
Wara li ma reġax ġie elett fil-Parlament fl-elezzjoni tal-2022, ħafna osservaturi politiċi kienu jqisu li l-vjaġġ parlamentari tiegħu seta’ kien wasal fi tmiemu. Madankollu, ir-riżultati li kiseb fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mosta fl-2024 taw stampa differenti. Hu kien qed jservi bħala kunsillier u Kap tal-Minoranza fil-Kunsill Lokali tal-Mosta, filwaqt li kien qed imexxi wkoll il-Grand Harbour Regeneration Corporation bħala chairman.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Agius Decelis tkellem dwar il-fatturi li wasslu għas-suċċess tiegħu u anke dwar ir-rebħa elettorali tal-Partit Laburista u dwar il-futur politiku tiegħu.
Meta mistoqsi jekk jemminx li s-suċċess tiegħu huwa marbut direttament mar-rabta storika tiegħu mal-Partit Laburista, ir-risposta tiegħu kienet immedjata u ċara.
“Il-kredibbiltà u l-imħabba kbira li għandu l-Prim Ministru Dr Robert Abela, lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu kienet iċ-ċavetta lejn din ir-rebħa elettorali,” qalilna.
Din it-tweġiba turi kif Agius Decelis jara l-politika mhux biss ‘il bogħod mill-politika partiġġjana, iżda wkoll bħala relazzjoni ta’ fiduċja man-nies. Għalih, il-kredibbiltà personali tibqa’ element fundamentali fil-ħajja politika, filwaqt li jpoġġi enfasi qawwija fuq ir-rispett lejn il-poplu kollu.
Naturalment, kull politiku li jikseb mandat qawwi mill-elettorat iġorr fuqu responsabbiltà akbar. Meta staqsejnieh jekk iħossx il-piż ta’ din ir-responsabbiltà wara r-riżultati li kiseb, huwa wieġeb b’umiltà iżda wkoll b’sens qawwi ta’ dover.
“Ir-responsabbiltà hija dejjem kbira għax dak li nagħmlu jaffettwa b’mod dirett u indirett il-ħajja tan-nies.”
Din hija frażi li tirrifletti ħafna mill-karriera tiegħu. Kemm fil-qasam tas-saħħa, fejn ħadem għal aktar minn għoxrin sena, kif ukoll fil-politika, Agius Decelis dejjem enfasizza li d-deċiżjonijiet pubbliċi għandhom impatt reali fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Għalhekk, il-fiduċja li jagħtuh in-nies qatt ma tista’ tittieħed b’mod ħafif.
Waħda mill-aktar mistoqsijiet interessanti kienet relatata mal-futur tiegħu. Wara li kiseb riżultat b’saħħtu fil-11-il distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali, saqsejnieh dwar ir-ritorn tiegħu fil-Parlament Malti. Min-naħa tiegħu, huwa għażel risposta qasira iżda sinjifikattiva ħafna.
“Ix-xogħol jitkellem waħdu. Bl-Ingliż Hard work pays.”
Tliet kelmiet biss, iżda li jgħidu ħafna dwar il-mentalità tiegħu. Minflok ma daħal fi spekulazzjonijiet politiċi jew wegħdiet għall-futur, huwa għażel li jenfasizza l-valur tax-xogħol kontinwu. Għalih, jidher li l-aħjar risposta għall-kritika jew għad-dubji dejjem kienet u tibqa’ l-ħidma.
Din il-filosofija mhijiex ġdida fil-każ tiegħu. Tul is-snin, kemm fil-Parlament kif ukoll barra minnu, Agius Decelis baqa’ involut f’diversi inizjattivi pubbliċi. Fl-2020 inħatar bħala chairman mhux Eżekuttiv tal-Grand Harbour Regeneration Corporation, korporazzjoni responsabbli minn proġetti importanti ta’ restawr u riġenerazzjoni fiż-żona tal-Port il-Kbir. Dawn il-proġetti jinkludu konservazzjoni ta’ assi kulturali u nazzjonali, titjib fl-akkomodazzjoni soċjali u investimenti oħra li jkomplu jsaħħu l-identità storika tal-pajjiż.
Għal ħafna, Anthony Agius Decelis jirrappreżenta figura li rnexxielha tgħaqqad il-politika mal-professjoni tiegħu. L-isfond tiegħu fil-ġerontoloġija u l-ħidma tiegħu mal-anzjani tawh perspettiva differenti dwar il-bżonnijiet tas-soċjetà. Dan kien rifless ukoll fil-ħidma tiegħu bħala Segretarju Parlamentari, fejn mexxa inizjattivi relatati mal-anzjanità attiva u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.
Għal Anthony Agius Decelis, il-politika tibqa’ mibnija fuq il-kredibbiltà, ir-responsabbiltà u x-xogħol kontinwu. U dawn huma l-prinċipji li jidhru li għadhom jiggwidawh sal-lum.


