Friday, June 5, 2026

Il-GWU tikseb il-maġġoranza ta’ rappreżentanza f’Dar Emmaus u Property Market Agency

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) kisbet konferma uffiċjali tad-dritt ta’ rappreżentanza trejdunjonistika kemm ġewwa Dar Emmaus kif ukoll fil-Property Market Agency (PMA), wara proċessi ta’ verifika mwettqa mid-DIER dwar is-sħubija trejdunjonistika fost l-impjegati.

Fil-każ ta’ Dar Emmaus, il-proċess ġie mibdi wara talba formali tal-GWU sabiex tingħata għarfien uffiċjali bħala l-union rikonoxxuta għan-negozjar kollettiv għall-impjegati, bl-esklużjoni tas-senior management. Wara l-proċess ta’ verifika mwettaq mid-DIER, ġie kkonfermat li l-GWU għandha fi ħdanha l-maġġoranza tal-impjegati eliġibbli, u b’hekk kisbet il-maġġoranza ta’ rappreżentanza.

Bl-istess mod, fil-Property Market Agency, il-GWU ressqet talba għall-għarfien uffiċjali sabiex tirrappreżenta lill-impjegati fil-karigi ta’ overtime grades, management grades u senior managers għall-finijiet ta’ negozjar kollettiv. Il-proċess ta’ verifika kkonferma li l-GWU għandha l-maġġoranza tal-impjegati eliġibbli bħala membri tagħha, u għaldaqstant ukoll kisbet il-maġġoranza ta’ rappreżentanza.

It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU laqgħet b’sodisfazzjon dawn ir-riżultati, li jkomplu jsaħħu l-fiduċja tal-ħaddiema fil-ħidma tal-Union favur kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, rappreżentanza soda u djalogu soċjali effettiv. L-Union tenniet l-impenn tagħha li taħdem mill-qrib mal-impjegati u mal-entitajiet rispettivi sabiex tkompli ttejjeb il-benesseri u d-drittijiet tal-ħaddiema.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport