Tuesday, December 24, 2024

L-IMPORTANZA TAL-GĦOTI TAD-DEMM

Aqra wkoll

Proprju llum qed ikun imfakkar il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. It-tema magħżula għal din is-sena mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa hi “20 sena niċċelebraw l-għoti tad-demm: grazzi lid-donaturi tad-demm kollha!”.

Dak li llum qed jiġi ċċelebrat huwa t-turija ċara tal-ġenerożità ta’ ħafna persuni inkluż tal-poplu Malti. Dan għaliex l-għoti tad-demm iservi mhux biss biex jiġu salvati l-ħajjiet imma wkoll il-fejqan ta’ ħafna nies sabiex ma jibqgħux għaddejjin mis-sofferenzi li jkunu għaddejjin minnhom kaġun tal-mard tagħhom.

Minbarra f’hekk, l-iskop ta’ dan il-jum huwa li jkabbar l-għarfien dwar l-għoti tad-demm u kif ukoll għalxiex jintuża d-demm tad-donaturi. Id-demm jintuża għal firxa kbira ta’ kundizzjonijiet lki jbatu minnhom fosthom t-trabi u t-tfal żgħar.

Tfal, adoloxxenti u adulti jiġu bżonn id-demm jew prodotti oħra maħruġa minnu bħala parti mill-kura kontra l-kanċer fost oħrajn. Ammont sostanzjali ta’ demm jintuża wkoll għall-operazzjonijiet maġġuri li jsiru fl-isptarijiet tagħna bħal dawk tal-qalb, tat-tirojde, skoljożi u ħafna kundizzjonijiet mediċi oħrajn.

Id-demm jintuża wkoll għall-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kif ukoll għal dawk li jseħħu fuq il-postijiet tax-xogħol. Ġieli nisimgħu avviżi jsejħu b’urgenza għall-għoti tad-demm. Dan ikun ifisser li ċ-Ċentru tat-Trasfużjoni ma jkollux provvista adegwata biex ilaħħaq mad-domanda. Għalhekk nemmnu li dawk li jagħtu d-demm regolarment għandhom jibqgħu jagħmlu dan. Għandhom ukoll isiru sforzi biex jikkonvinċu donaturi ġodda għaliex dak li huma jkagħtu llum jistgħu jiġu bżonnu huma għada.

Għalhekk il-kampanji edukattivi li jsiru minn żmien għal żmien, fuq il-mezzi soċjali, fuq l-istazzjonijiet televiżivi u anke fuq ir-radju dwar il-bżonn li wieħed imur u jagħti d-demm għandhom jissoktaw biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u jagħtu d-demm.

Ta’ min jenfasizza wkoll illi l-għoti tad-demm uman fih innifsu mhux biss huwa ġest nobbli minn min jagħmlu imma wkoll huwa ta’ ġid għal min jagħti d-demm billi jħossu aktar f’siktu fiżikament u wkoll kburi li jkun donatur ta’ mezz li jsalva l-ħajjiet u li għalih ma hemm ebda prezz.

Ekonomija

Sport