Wednesday, April 24, 2024

L-IMPORTANZA U L-BENEFIĊĊJI META TAGĦTI LURA

Aqra wkoll

Resqin lejn il-festi tal-Milied u l-bidu ta’ sena ġdida. Festi ta’ briju, rigali, ikliet, festini. Iżda fir-realtà mhux kulħadd jista’ jgawdi dan kollu. Għal diversi raġunijiet, fosthom minħabba li mhux kulħadd jaffordja joħroġ igawdi, jixtri r-rigali, imur il-festini u l-ikliet. Waqt konferenza tal-aħbarijiet għadu kif tħabbar li mis-17 ta’ dan ix-xahar mal-45,000 familji bi dħul baxx se jibdew jibbenefikaw mill-benefiċċju addizzjoni tal-COLA li tħabbar fil-Budget 2023. Għotja li se tibda minn €100 u tista’ tlaħħaq il-massimu ta’ €643 għall-iktar familji fil-bżonn. Solljiev, xaqq ta’ dawl għal dawk il-familji li jinsabu fi problemi finanzjarji. 

Apparti l-għajnuna finanzarja min-naħa tal-Gvern kull wieħed u waħda minna għandna naħsbu ftit kif nistgħu noffru ftit minn dak li għandna, anke ħin, lin-nies vulnerabbli, saħansitra nibdew minn dawk fil-komunità tagħna stess. Għajnuna li tkun ta’ benefiċċju kemm għalihom u anke għalik stess!

L-għajnuna tista’ tingħata fil-forma ta’ donazzjoni jew tagħti rigal/i lil nies vulnerabbli. Iżda l-għajnuna ma tissarrafx biss permezz ta’ flus jew rigali. Il-ħin huwa prezzjuż ukoll, kif nafu. Inti tkun qed tgħin xorta waħda jekk tingħaqad ma’ xi għaqda volontarja jew toffri ftit mill-ħin tiegħek lil xi nies li taf li jinsabu waħedhom jew fi bżonn ta’ għajnuna.

Meta inti tiddedika ftit mill-ħin tiegħek biex toffrih volontarjament qatt mhu se jiddispjaċik. Se ttejjeb ħajtek żgur. Se tiffamiljarizza ruħek ma’ nies differenti, se tingħaqad ma’ nies differenti u ideat differenti… li se jkollhom impatt pożittiv fuq il-perspettiva tiegħek għall-bqija ta’ ħajtek. L-għajnuna hija opportunità għalik biex tikber bħala persuna, biex tifhem aħjar kif tidħol fid-dinja ta’ madwarek.

Tista’ tagħżel li tqatta’ ftit mill-ħin tiegħek biex tgħin fix-xelters jew tgħin lil dawk li jipprovdu servizzi volontarjament fil-komunità. Mingħajr voluntiera, ħafna mis-servizzi u l-avvenimenti li ngawdu fil-komunitajiet tagħna ma jkunux daqshekk disponibbli.

Kont taf li huwa ppruvat statistikament li n-nies li jagħmlu volontarjat regolarment huma aktar b’saħħithom kemm fiżikament kif ukoll mentalment? Apparti li s-sensazzjoni sodisfaċenti li tingħata lura meta tikkontribwixxi lis-soċjetà hija mingħajr paragun.

Hemm ħafna kawżi importanti li dejjem jeħtieġu voluntiera biex jappoġġjaw ix-xogħol li qed jagħmlu. Kemm jekk inti passjonat fuq id-drittijiet tal-annimali, jew l-għajnuna lil dawk bla dar, tista’ ssib mod siewi kif tagħti l-ħin tiegħek. 

Tista’ tagħżel ukoll li żżur lill-ġirien u membri tal-familja, speċjalment dawk li taf li jgħixu waħedhom, li huma anzjani, li għandhom problemi ta’ saħħa jew mobilità jew problemi finanzjarji. Tmur tagħti lezzjonijiet tad-duttrina jew tgħin tfal ilestu l-homework tagħhom. Skeda ħin biex iżżurhom jew imqar iċċemplilhom regolarment biex tgħarrafhom li mhumiex waħedhom.

Anke jekk tagħti biss ftit sigħat ta’ ħin kull xahar, tkun qed tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Sport