Wednesday, April 24, 2024

Arġentina fis-semi-finali wara li għelbu lill-Olanda bl-għoti tal-penalties

Aqra wkoll

Olanda…………….2

Arġentina………..2

(Arġentina 4-3 bil-penalties)

L-Arġentina kisbu l-passaġġ għas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja wara li għelbu lill-Olanda bl-iskor ta’ 4-3 wara l-għoti tal-penalties, biex b’hekk se jkunu qed jaffrontaw lil Kroazja, nhar it-Tlieta li ġej.

Kienet partita kemmxejn nervuża speċjalment fi tmiem il-ħin regolamentari fejn ġew ammoniti xejn inqas minn 13-il player – ħamsa għall-Olanda u tmienja għall-Arġentina.

L-Arġentina fetħu l-iskor fil-35 minuta meta Lionel Messi b’eleganża u intelliġenza liema bħalha serva fuq platt tal-fidda lil Nahuel Molina li minn pożizzjoni ideali għeleb lill-goalkeeper Olandiż, Andries Noppart., biex b’hekk skorja l-ewwel goal tiegħu bil-flokk tat-team nazzjonali Arentin.

Fit-63 minuta, freekick ta’ Lionel Messi għall-Arġentina għadda ftit għoli.

Huma komplu jiddettaw il-logħob u fit-72 minuta rebħu penalty meta Denzel Dumfries waqqa’ lil Marcos Acuna fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu Lionel Messi li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu, tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, b’Noppert ma jagħmel l-ebda movimenti, biex b’hekk skorja l-għaxar goal tiegħu f’edizzjonijiet differenti tat-Tazza tad-Dinja, biex laħaq lill-ex player leġġendarju, Gabriel Omar Batistuta.

L-Olanda naqqsu l-marġni tal-iskor fit-83 minuta, meta wara li rċieva min cross ta’ Steven Berghuis, is-sostitut Wout Weghorst li kien ilu biss ħames minuti fil-ground, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Huma komplew fuq l-offensiva u fil-85 minuta Berghuis venven xutt minn qagħda ideali li ġie mxellef f’corner minn difensur avversarju, bil-ballun jaħbat max-xibka minn barra, u b’hekk ta l-illużjoni tal-goal.

U bl-aktar mod drammatiku, l-Olanda ġabu l-iskor indaqs fl-għaxar minuta tal-ħin miżjud meta minn freekick, Koopmeiners, flok għażel li jixxuttja, għadda tajjeb lejn Weghorst li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa u lill-paratitarji numerużi Olandiżi f’delirju ta’ ferħ. B;hekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.

L-Arġentini kienu ferm sfortunati li ma sabux ix-xibka meta laqtu l-wieqfa fil-120 minuta, permezz ta’ Enzo Fernandez, bl-Olandiżi jeħilsuha ħafif.

L-iskor baqa’ ma nbidilx lanqas wara l-ħin barrani, u b’hekk il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties.

Għall-Arġentina, mill-11-il metru rnexxielhom isibu x-xibka Lionel Messi u Leandro Paredes u Gonzalo Montiel u Lautaro Martinez. Għalihom falla Enzo Fernandez li tefa’ barra.

Għall-Olanda fallew Virgil van Dijk u Steven Berghuis hekk kif raw lill-goalkeeper Arġentin, Damian Martinez, isalva tajjeb. Għalihom skorjaw Teun Koopmeiners, Wout Weghorst u Luuk De Jong.

Olanda: Andries Noppert, Jurrien Timber, Virgil van Dijk, Natahn Ake, Denzel Dumfries, Marten de Roon (Teun Koopmeiners 46), Frenkie De Jong, Daley Blind (Luuk De Jong 64), Cody Gakpo (Noa Lang 113), Memphis Depay (Wout Weghorst 78), Steven Bergwiyn (Steven Berghuis 46) Coach: Louis van Gaal

Arġentina: Damian Martinez, Nahuel Molina (Gonzalo Montiel 106), Cristian Romero (German Pezzella 78), Nicolas Otamendi, Lisandro Martinez (Angel Di Maria 112), Marcos Acuna (Nicola Tagliafico 78), Rodrigo De Paul (Leandro Paredes 67), Enzo Fernandez, Alexis Mac Allister, Lionel Messi, Julian Alvarez (Lautaro Martinez 82) Coach: Lionel Scaloni

Referee: Antonio Mateu Lahoz (Spanja)

Ammoniti: J. Timber, W. Weghorst, M. Depay, S. Berghuis, W. Weghorst (O), C. Romero, Li. Martinez, N. Otamendi, M. Acuna, L. Paredes, L. Scaloni, L. Messi, G. Montiel, G. Pezzella (A)

Sport