Friday, April 26, 2024

L-imsieħba soċjali jiddiskutu l-aħjar mod għall-użu tal-fondi Ewropej

Aqra wkoll

F’laqgħa tal-MCESD, l-imsieħba soċjali ltaqgħu biex jiddiskutu l-fondi Ewropej. Din il-laqgħa kienet indirizzata mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

B’referenza għall-pakkett finanzjarju ta’ aktar minn żewġ biljun ewro li Malta rnexxielha tikseb għall-programm ta’ fondi 2021-2027, il-Ministru Abela qal li fil-kuntest tal-pandemija, li ħalliet kunsiderazzjonijiet ekonomiċi konsiderevoli, irridu naraw li l-fondi jintefqu bl-aktar mod responsabbli u għaqli. Għalhekk, l-għan ta’ din il-laqgħa mal-imsieħba soċjali kien li jkun hemm diskussjoni dwar l-aħjar mod kif dawn il-fondi jiġu investiti f’pajjiżna.

Il-ministru fakkar li l-ġimgħa l-oħra waqt il-laqgħa mal-imsieħba soċjali dwar il-baġit għas-sena d-dieħla saħaq li l-baġit huwa kollezzjoni ta’ miżuri speċifiċi li jimplimentaw il-viżjoni medium to long term, bl-istess mod irridu naraw li l-viżjoni tal-infiq ta’ dawn il-fondi Ewropej tkun konformi mal-istess viżjoni. Huwa semma wkoll l-irwol ta’ Servizzi Ewropej f’Malta ħalli din l-aġenzija tkompli tgħin u tassisti fit-twettiq ta’ proġetti b’fondi Ewropej minn għaqdiet mhux governattivi u minn entitajiet oħra, speċjalment fid-dawl tat-tibdil leġiżlattiv li sar aktar kmieni din is-sena.

Il-Ministru Abela temm jgħid li biex inkunu nistgħu ngħidu li qed nimplimentaw viżjoni sostenibbli fit-tul, dak li joħroġ minn dawn il-fondi għandu jkun ta’ sostenn għall-qasam ambjentali, ekonomiku, u soċjali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ta dettalji dwar il-prijoritajiet li fuqhom huma mibnija l-programmi ta’ infiq li qed jiġu proposti għal konsultazzjoni pubblika minn erba’ fondi partikolari tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma l-Fond ta’ Koeżjoni, il-fond magħruf bħala Just Transition Fund immirat lejn in-newtralità klimatika, il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura.

Fil-laqgħa ngħataw dettalji dwar l-investimenti li se jsiru f’kull waħda mill-prijoritajiet imsemmija u kif anke entitajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet, kumpaniji privati kbar, ta’ daqs medju u żgħar se jkunu qed jibbenefikaw minn għotjiet diretti jew strumenti finanzjarji biex jgħinuhom ikomplu jikbru u jiżviluppaw u b’hekk tikber magħhom l-ekonomija tal-pajjiż u anke jissaħħu s-sisien tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.

Huwa qal li issa dawn il-programmi ta’ infiq se jitniedu għal konsultazzjoni pubblika fil-jiem li ġejjin biex wara li l-gvern jisma’ l-opinjoni tan-nies dwarhom, ikun jista’ jmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea bil-programmi definittivi tiegħu.

Sport