Thursday, April 18, 2024

L-inflazzjoni nżammet fil-livell ta’ 7 fil-mija

Għall-ewwel darba l-inqas rata ta’ inflazzjoni fi 13-il xahar fiż-żona Ewro

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Statistika proviżorja għandha f’idejha talk.mt turi li l-inflazzjoni f’pajjiżna għax-xahar ta’ Marzu inżammet fl-istess livell tax-xahar ta’ qabel jiġifieri ta’ 7 fil-mija.

Din l-istatistika proviżorja, turi li r-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna hi fl-istess livell li kienet f’Awwissu tas-sena li għaddiet. Ekonomista li tkellem ma’ talk.mt spjega li “dan it-tnaqqis fl-inflazzjoni għalkemm hu wieħed li għandu jintlaqa’ b’mod pożittiv, xorta waħda trid tinżamm kawtela u dan għax fl-aħħar jiem rajna żieda fil-prezz taż-żejt minħabba tnaqqis fil-produzzjoni. Jgħid ukoll li r-rata tal-‘Core Inflation’ fl-Ewropa laħqet livell rekord.”

Staqsejnieh dwar il-fatt kif iż-żona Ewro kellha l-inqas livell ta’ inflazzjoni għal aħħar tlettax-il xahar fejn ir-rata ta’ inflazzjoni marret lura għal dik li kienet fi Frar tas-sena li għaddiet, waqt li tista’ tgħid li l-pajjiżi kollha taż-żona Ewro naqsu ir-rata ta’ inflazzjoni barra is-Slovenja li kellha żieda. Hu qalilna li “dawn il-pajjiżi kellhom żieda fl-inflazzjoni minħabba l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. Ir-rata ta’ inflazzjoni f’Malta hi ġejja mill-prodotti tal-ikel, li tista’ tgħid li aħna kważi nimpurtaw kollox u dan irid jinġab bit-trasport u għal dan hemm spiża. Kieku f’Malta m’hawnx is-sussidju fuq l-enerġija, l-inflazzjoni hi ferm u ferm ogħla u m’għandix dubju li kieku m’hemmx is-sussidju hu fost l-ogħla fl-Ewropa”.

Il-pajjiżi li għandhom rata ta’ inflazzjoni inqas minn ta’ Malta huma l-Belġju b’rata ta’ 4.9 fil-mija, il-Greċja b’5.4 fil-mija, Spanja bi 3.1 fil-mija, Franza b’6.6 fil-mija, Ċipru b’6 fil-mija, il-Lussemburgu bi 3 fil-mija, l-Olanda b’4.5 fil-mija u l-Finlandja b’6.8 fil-mija.

Il-pajjiżi li għandha rata ta’ inflazzjoni akbar minn tagħna huma l-Bulgarija bi 13.7 fil-mija, ir-Repubblika Ċeka bi 18.4 fil-mija, id-Danimarka b’8. 3 fil-mija, il-Ġermanja b’7.8 fil-mija, l-Estonja bi 15.6 fil-mija, il-Kroazja b’10.5 fil-mija, l-Italja b’8.2 fil-mija, il-Latvja bi 17.3 fil-mija, il-Litwanja bi 15 fil-mija, l-Awstrija b’92 fil-mija, il-Portugal bi 8 fil-mija, is-Slovenja u s-Slovakkja b’10.4 u 14.8 fil-mija rispettivament.

Is-sitwazzjoni għadha inċerta…..il-Bank Ċentrali Ewropew ma waqqafx iż-żieda fl-interessi

L-ekonomista qalilna li “minkejja it-tnaqqis, is-sitwazzjoni għadha waħda inċerta u trid tkun trattata b’kawtela. It-tnaqqis li kien hemm fir-rata ta’ inflazzjoni seħħet għax kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija.

Fejn tidħol materja prima u prodotti tal-ikel is-sitwazzjoni għadha waħda inċerta għall-aħħar. Anki l-Bank Ċentrali Ewropa hu kawt ħafna fuq it-tnaqqis fl-inflazzjoni u xorta għadu ma ħax id-deċiżjoni li ma jkomplix iżid ir-rati ta’ interessi. Filfatt għal Marzu żied ir-rati ta’ interessi, għalkemm issa mhux qed jagħti indikazzjoni li se jkompli jżid ir-rati tal-imgħax fix-xhur li ġejjin.

Hu ta’ tħassib li l-‘Core Inflation’… żdiedet u laħqet livell rekord

L-ekonomista qalilna li “minkejja t-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni, hemm indikatur li hu ta’ tħassib. Dan hu l-Core Inflation. Din f’Marzu kompliet tiela u laħqet livelli rekord. Telgħet minn 5.6 fil-mija fi Frar għal 5.7 fil-mija. Il-Core Inflation hi l-bidliet fl-ispiża ta’ prodotti u servizzi, imma din ma tinkludix fiha prodotti tal-ikel u tal-enerġija. L-ekonomisti jagħtu kas ħafna l-Core Inflation u l-livelli tagħha u ma nkunx żbaljat jekk ngħid li l-Bank Ċentrali Ewropew qed ikun kawt minħabba ż-żieda fil-Core Inflation”.

Intant, proprju fl-aħħar jiem kien hemm id-deċiżjoni sorprendenti tal-akbar esportaturi taż-żejt fid-dinja li jaqtgħu l-produzzjoni u din wasslet għal żieda fil-prezzijiet taż-żejt. Il-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent tela’ għal $84-il barmil wara li żdied b’aktar minn 5 fil-mija.

Il-prezz taż-żejt Brent żdied wara li l-Għarabja Sawdija, l-Iraq u pajjiżi tal-Golf Għarb iddikjaraw li kienu qed jaqtgħu l-produzzjoni b’aktar minn nofs biljun barmil żejt kuljum. Minbarra dan, ir-Russja qalet ukoll li d-deċiżjoni tagħha li taqta’ l-produzzjoni b’nofs miljun barmil kuljum ġiet estiża sal-aħħar tas-sena.

Ekonomija

Sport