Monday, December 23, 2024

L-INFRASTRUTTURA… FEJN SEJRIN?

Aqra wkoll

Suġġett li spiss ikun fil-qalba tad-diskussjoni politika huwa l-infrastruttura. Dan l-aħħar smajna bi proġetti infrastrutturali li beda għaddej xogħol fuqhom, oħrajn li jinsabu fi stadju avvanzat u anke dawk li hemm ippjanati għaż-żmien li ġej. Madankollu, ma nistgħux ma nirrimarkawx illi f’ħafna mill-każi, din il-ħidma qiegħda toħloq inkonvenjent f’diversi nħawi tal-pajjiż. Mhux b’inqas it-traffiku li jinġemgħa f’dawn l-inħawi.

Meta wieħed jikkunsidra l-importanza ta’ infrastruttura moderna, wieħed jirrealizza wkoll l-importanza li jsir żvilupp għaqli u maħsub sew f’dan il-qasam. Tajjeb iżda li nirrikonoxxu l-isforzi li qed jagħmel il-Gvern biex it-trasport pubbliku, sew bil-baħar u sew tal-art, jitjieb għas-sodisfazzjon ta’ min jagħmel użu minnu. Lanqas nistgħu ngħidu li ma sar xejn biex jiġu megħluba l-isfidi marbuta mat-trasport li kien ilhom hemm is-snin. Dan meta f’pajjiżna dalwaqt se jingħata bidu għal proġett maġġuri, dak tal-Imsida Creek.

Ġustifikament in-nies jistennew li t-trasport pubbliku jkun wieħed effiċjenti u serju biex is-servizz jingħatalhom fil-ħin u b’mod tajjeb u xieraq. Madanakollu wieħed irid jifhem ukoll li ċertu xogħlijiet infrastrutturali li jkunu qed isiru, ftit jew wisq se jħallu impatt anke fuq il-frekwenzi tal-karozzi tal-linja.

Jeħtieġ għalhekk li jkun hemm kordinazzjoni aħjar biex ma jkunx hemm tfixkil fis-servizz mogħti. Irridu nifhmu li d-dewmien żejjed fit-traffiku ħadd ma jieħu gost bih. Għalkemm ċertu xogħol irid isir, u huwa tajjeb li jsir, ċertament għandhom jiġu mitqiesa diversi affarijiet ferm qabel jibdew il-proġetti.

Riċentament inħatar ukoll Kap Eżekuttiv ġdid ta’ Infrastructure Malta u wieħed jawgura li f’dik li hija parti importanti mill-funzjonalità tal-pajjiż – l-infrastruttura – ikun hemm pjan ċar ta’ kif jintlaħqu l-miri u fl-istess waqt jiġi minimizzat l-impatt fuq in-nies.

Ekonomija

Sport