Il-Qrati f’kull pajjiż ċivilizzat għandhom funzjoni kruċjali. Tant li huma wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom hija msejsa d-demokrazija.Tkun xi tkun il-kritika lejn il-Qrati, xorta waħda jibqgħu essenzjali fil-ħajja ta’ nazzjon. Fost il-branki tal-ġustizzja f’pajjiżna hemm il-Qorti tal-Familja, li hija l-post fejn jiġu deċiżi fost l-aktar kwistjonijiet delikati u sensittivi anki dawk li jolqtu aspetti emozzjonali, li jinvolvu kwistjonijiet bejn il-membri tal-familja u li finalment jistgħu jħallu mhux biss fuq il-ħajja tal-individwi involuti imma wkoll fuq l-ulied, jekk ikun hemm.
Għal snin twal, kwistjonijiet bejn membri tal-familja fil-Qrati tagħna kienu fiċ-ċentru tad-diskussjoni. U dan għaliex b’mod partikolari kien qed jissemma’ ħafna d-dewmien eċċessiv, b’każijiet li jdumu saħansitra s-snin biex jiġu deċiżi u seduti li jiġu posposti b’mod ripetut.
Għalhekk inħasset il-ħtieġa li ssir riforma ħolistika f’dan ir-rigward, u ħafna jsostnu li kienet ilha mistennija biex titressaq u titwettaq. Riforma li tpoġġi wkoll l-interessi tat-tfal l-ewwel u qabel kollox. F’dan il-kuntest, il-Gvern Laburista, li tul is-snin mexxa riformi kbar f’diversi setturi tas-soċjeta, irrikonoxxa li din ir-riforma kellha fil-fatt tingħata l-prijorità li jixirqilha.
U huwa dan li rajna fil-jiem li għaddew, hekk kif ġew ippubblikati ir-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026, flimkien mal-avviżi ta’ bidu fis-seħħ u l-leġiżlazzjoni sussidjarja relatata meħtieġa biex tibda l-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja f’Malta.
Dan jirrappreżenta pass importanti fl-impenn tal-Gvern biex joħloq sistema ta’ ġustizzja tal-familja aktar iffukata fuq it-tfal, aktar aċċessibbli, aktar effiċjenti u aktar sensittiva għall-ħtiġijiet tal-familji. Dan għaliex it-tfal m’għandhom qatt ikunu ballun fi kwistjonijiet ta’ natura familjari.
Fuq kollox din hija riforma li se tkun qiegħda tintroduċi qafas proċedurali ġdid maħsub biex jilħaq bilanċ legali bejn il-protezzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal, il-ħolqien tal-istrutturi u r-rwoli professjonali meħtieġa biex jiġi garantit servizz ta’ kwalità għolja, u l-introduzzjoni ta’ proċeduri u termini aktar ċari ħalli titjieb l-effiċjenza tal-proċeduri tal-familja.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-pakkett ta’ riformi se jkunu operattivi mill-bidu ta’ Ottubru li ġej, dawn se jiżdiedu ma’ miżuri oħrajn li ttieħdu fil-passat riċenti li jinkludu illi fejn ikun meħtieġa x-xhieda tal-minuri, din il-proċedura ma ssirx fil-bini tal-Qorti imma f’post adattat u speċifiku li ma jħalli ebda traċċi trawmatiċi fuq l-istess minorenni.
Dan se jkompli jwessa’ l-prinċipju illi l-ġustizzja mhux biss trid issir, imma wkoll li tkun tidher li qed issir, u fi żmien raġonevoli. Dan għaliex id-dewmien fl-għoti tal-ġustizzja jfisser ġustizzja miċħuda.




