Wasal fl-aħħar fażijiet ix-xogħol fuq park għat-tfal u l-familji minflok barriera f’Tal-Mitħna

Aqra wkoll

Għaddejjin l-aħħar fażijiet tax-xogħlijiet f’żona ta’ madwar 7,000 metru kwadru li tmiss mal-Imqabba u l-Qrendi magħrufa bħala Tal-Mitħna. Żona li għal snin twal kienet tintuża bħala barriera u li issa qed tingħata l-ħajja permezz ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni b’investiment ta’ madwar €2 miljun.

Qabel inbeda dan il-proġett, din il-barriera, kienet qed tintuża bħala żona ta’ rimi illegali, tant li nġabru mal-20,000 metru kubu ta’ skart ta’ kostruzzjoni. Minflok issa din il-barriera ser tinbidel fi spazju naturali ddedikat għat-tfal u l-familji bit-tħawwil ta’ 300 siġra u aktar minn 3,200 arbuxell.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, flimkien mal-Kunsilli Lokali tal-Imqabba u l-Qrendi u t-tim ta’ Project Green raw il-progress tax-xogħol li qed isir u kienu infurmati dwar ix-xogħol fuq dan il-proġett. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jsaħħaħ ir-rabta bejn it-tfal u n-natura filwaqt li joħloq spazju sigur, edukattiv u rikreattiv għall-komunità.

Il-park ser jinkludi numru ta’ faċilitajiet innovattivi ispirati min-natura, fosthom żoni għal-logħob b’oġġetti naturali, installazzjoni interattiva ta’ bug u bee hotel, dog park, rokna għall-qari, mejda tal-ping pong, u diversi elementi li jinkoraġġixxu l-immaġinazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal.

Barra minn hekk, il-proġett jinkludi infrastruttura sostenibbli b’ġibjun taħt l-art għall-ħażna tal-ilma, fejn se jinġabar l-ilma tax-xita ħalli jerġa’ jintuża għall-irrigazzjoni tal-park. Dawn l-interventi mhux biss inaqqsu l-impatt ambjentali imma jikkontribwixxu wkoll għall-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa prova oħra tal-impenn tal-Gvern biex artijiet degradati jinbidlu fi spazji ħodor li joffru benefiċċji reali lill-komunitajiet. “Qed nagħtu ħajja ġdida lil sit li għal ħafna snin kien mitluq u qed nibdluh f’post fejn it-tfal jistgħu jikbru qrib in-natura u f’ambjent san. Dan huwa investiment fil-ġenerazzjonijiet futuri, fil-benesseri tagħhom u fl-ambjent li rridu nħallu warajna.”

Il-Project Manager ta’ dan il-proġett, Andrea Ferriggi, spjegat li l-intervent kien iddisinjat biex joffri esperjenza differenti minn dik ta’ park tradizzjonali. “L-enfasi ta’ dan il-proġett hija li n-natura ssir parti mil-logħob tat-tfal. Għalhekk qed nintegraw elementi naturali, spazji għall-esplorazzjoni u soluzzjonijiet sostenibbli għall-ġestjoni tal-ilma, sabiex noħolqu ambjent li mhux biss ikun sabiħ iżda wkoll edukattiv u reżiljenti għall-futur.”

Dan il-proġett qed issir bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport