Thursday, May 16, 2024

L-investiment fl-infrastruttura

Aqra wkoll

Matul is-snin, smajna ħafna fuq il-bżonn ta’ investiment xieraq fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, b’mod partikolari fejn jidħlu t-toroq. Kien għalhekk li dan il-Gvern ħa ħsieb biex jimbarka fuq proġett ta’ €100 miljun fis-sena biex jiġu rranġati t-toroq residenzjali madwar il-pajjiż.

Ma’ dawn però hemm ukoll it-tlestija ta’ proġetti infrastrutturali kbar f’żoni partikolari tal-pajjiż fejn l-aktar li kien jinġemgħa t-traffiku, liema proġetti llum il-ġurnata qegħdin naraw il-frott tagħhom.

Dak li assistejna għalih fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bl-inawgurazzjoni tal-proġett tas-Central Link huwa proprju xhieda ħajja ta’ dan. Investiment ta’ €55 miljun li qed isarraf f’50% inqas ħin ta’ vjaġġar u 66% inqas tniġġis tal-arja. 

Dan il-proġett, li kien ilu sittin sena fuq l-ixkaffa b’detriment għall-progress ekonomiku u ambjentali, jinkludi wkoll 11-il junction ġdida, 14-il kilometri ta’ korsiji ġodda u huwa msebbaħ b’1,160 siġra indiġena ġdida u 13,744 arbuxella u pjanti oħra. Dan filwaqt li nħolqu 10 kilometri ta’ passaġġi ġodda għall-mixi u 4 kilometri ta’ passaġġi għaċ-ċiklimu u għall-mixi.

Iżda ejja ma ninsewx kif sa ftit tas-snin ilu, il-kritika kienet illi din iż-żona kienet tkun iġġamjata bit-traffiku u li biex mir-Rabat tmur għall-Belt Valletta kienet teħodlok madwar tliet kwarti jew siegħa.

Illum ix-xenarju nbidel kompletament hekk kif grazzi għal dan l-investiment, illum f’madwar għoxrin minuta tasal sal-Kapitali. Dan ifisser inqas ħin imwaħħal fit-traffiku u iktar ħin ta’ kwalità għar-residenti biex iqattgħuh mal-familjari tagħhom. Minn dan l-investiment fl-infrastruttura gawdew ukoll in-negozji billi l-ħaddiema bdew jaslu fi ftit ħin fuq il-post tagħhom. 

Kumplimentari ma’ dan, hemm ukoll il-proġett tal-underpass tal-Imrieħel li għalkemm għadu mhux konkluż, jinsab fi stadju avvanzat. Barra minn hekk, hemm ukoll il-proġett ta’ Ħal Kirkop li se jagħmel aċċess aħjar għaż-żona ta’ madwar l-ajruport. 

Nemmnu li dawn il-proġetti kollha u oħrajn, se jkomplu jagħtu bixra moderna lill-pajjiżna kif jixraq fis-snin li ġejjin.

Sport