Tuesday, April 30, 2024

L-ISKEMA ISSA BDIET … IŻDA NEĦTIEĠU BIDLA FIL-MENTALITÀ

Aqra wkoll

Sabiex nilħqu l-miri ambjentali sal-2050, jeħtieġ li tittieħed azzjoni llum qabel għada u għalhekk għalkemm tajjeb li jitħabbar budget tajjeb b’miżuri ambjentali jeħtieġ li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Il-bżonn li l-ambjent ikun prijorità m’għadhiex għażla imma bżonn. Hija wkoll obbligu morali u soċjali li kull wieħed u waħda minna għandu lejn il-Malta tal-lum u wisq aktar ta’ għada. 

Imma biex dan jintlaħaq l-ambjent ma jistax ikun biss prijorità għall-Gvern. Ma jistax ikun biss ‘buzz word’. L-ambjent irid ikun prijorità għal kulħadd. L-ambjent għandu jkun parti minn dak li ngħixu kuljum, parti minn dak li nipprattikaw kuljum, li nemmnu fih kuljum. 

Fl-aħħar sigħat daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb li tinsab aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ 320 magna apposta li twaħħlu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Bħal kull suġġett ieħor, ir-reazzjonijiet varjaw anke din id-darba. Filwaqt li kien hemm ħafna persuni li laqgħu din l-iskema anke wara ħafna xhur ta’ stennija, kellek dawk li għadhom deċiżi li din l-iskema mhux se ssolvi l-problema tar-rimi b’mod irresponsabbli tal-plastik. 

Nemmnu li hija irresponsabbiltà kbira li ssib min jgħidlek li għalih din l-iskema mhi se tbiddel xejn għajr piż addizzjonali ma’ dak tal-għoli tal-ħajja. Nemmnu li mhux aċċettabbli li persuni jirraġunaw b’tali mod li jgħidulek li għalihom din l-iskema se tfisser biss żieda ta’ 10 ċenteżmi għal kull flixkun li jixtru għax mhumiex lesti li joqogħdu jiġbru l-fliexken u jmorru bihom f’dawn il-magni għar-rifużjoni. Għad hawn dawk li mhux talli mhumiex lesti jmorru f’waħda minn dawn id-diversi magni biex jirriċiklaw il-fliexken tagħhom, iżda jgħidulek li fir-residenzi tagħhom ma jarawx lok li joqogħdu jagħmlu separazzjoni tal-iskart u li dan huwa kollu intrigu żejjed.

Għalhekk huwa għaqli min-naħa tal-Gvern li jinvesti fl-edukazzjoni ambjentali. Edukazzjoni li se tkun qed tilħaq lil kull faxxa tas-soċjetà Maltija, li se tkun qed tilħaq li kull settur, li se tkun qed tilħaq lil kull ġenerazzjoni li tifforma s-soċjetà Maltija. Iva, għax kulħadd għandu jagħti sehem biex jintlaħqu l-miri ambjentali ambizzjużi. Kulħadd ghandu rwol. 

L-impenn tal-gvern biex wasal għal din l-iskema li ħafna kien ilhom għatxana għaliha huwa pass ferm pożittiv iżda mingħajr l-edukazzjoni, se jibqa ’l bogħod milli jilħaq l-aspettativa ambjentali tiegħu. 

Sport