Friday, May 3, 2024

L-Istati Uniti bl-ewwel inżul fuq il-qamar wara dak tal-1972

Għall-ewwel darba fl-Istorja tal-umanità hija involuta kumpanija kummerċjali…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Pass ieħor li se jinżel fl-Istorja Amerikana huwa dak tal-inżul fuq il-qamar wara li għaddew 50 sena mill-ewwel wieħed li kien sar min-NASA lura fl-1972. Dan l-inżul sar bil-vettura spazzjali Odysseus mibnija minn kumpanija privata Amerikana bbażata f’Texas.

Odysseus, li hija vettura operata minn robot inbniet mill-kumpanija “Intuitive Machines” b’fondi min-NASA u għamlet l-inżul tagħha fin-naħa tan-Nofsinhar tal-qamar.

L-amministratur tan-NASA, Bill Nelson, iddeskriva dan l-inżul bħala “rebħa għall-umanità” u “avventura ġdida fix-xjenza, innovazzjoni u tmexxija Amerikana fl-ispazju”. Nelson spjega li din l-okkażjoni hija pass importanti li ilhom jistennewh għal dan l-aħħar nofs seklu.

Huwa żied li, “illum, għall-ewwel darba fl-Istorja tal-umanità, kumpanija kummerċjali li hija Amerikana, għamlet dan il-vjaġġ u nżul fuq il-qamar. Illum huwa jum li juri l-poter u l-wegħda tas-sħubija kummerċjali tan-NASA”.

Din il-missjoni ta’ “Intuitive Machines” kienet ta’ suċċess u saret xahar wara attentat li kien falla mill-kumpanija bbażata f’Pittsburgh, “Astrobotic Technology”.

L-aħħar darba li vettura spazjali Amerikana niżlet fuq il-qamar kien fl-1972 meta Apollo 17 ħa lill-astronawti Gene Cernan u Harrison Schmitt fuq wiċċ il-qamar. Huma biss erba’ pajjiżi oħra, barra l-Istati Uniti, li għamlu missjonijiet ta’ suċċess fejn jidħol inżul fuq il-qamar. Ix-xahar li għadda l-Ġappun sar il-ħames pajjiż li kiseb din il-mira meta niżżel il-vettura spazjali “Moon Sniper”. Dan għamluh wara l-Unjoni Sovjetika, iċ-Ċina u l-Indja.

Odysseus telaq minn Florida fil-15 ta’ Frar fuq rokit ta’ Space X “Falcon”.

Sport