Wednesday, July 24, 2024

Investiment importanti f’apparat ta’ ndafa pubblika għaż-żoni ta’ Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema

Aqra wkoll

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni investiet €1,295,000f’apparat ta’ ndafa pubblika li ser jintuża b’mod speċifiku għaż-żoni ta’ Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema. Il-makkinarju ser ikun magħmul minn refuse collection vehicle, street washer, compact sweeper, erba’ pedestrian sweepers, city sweeper, crew cab tipper vans, robot sweeper u robot scrubbers.

Preżentement, għaddejja ħidma sabiex jinxtraw aktar vetturi li jiġbru l-iskart, sabiex matul ix-xhur tas-sajf issir frekwenza addizzjonali għall-ġbir ta’ skart li jinħareġ illegalment matul il-ġurnata. Il-ħsieb huwa li l-lokalitajiet tas-Swieqi, Paceville, San Ġiljan u l-Gżira jibbenefikaw minn dan il-proġett.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan l-investiment huwa messaġġ ċar li l-importanza tal-indafa pubblika tinsab fuq nett tal-aġenda ta’ dan il-pajjiż. “Permezz tal-proġett nazzjonali dwar l-indafa u l-manutenzjoni li tellaqna lura f’Ottubru li għadda qiegħed jirnexxielna ntejbu l-effiċjenza u r-rapidità  tagħna fejn jidħol dan il-qasam. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin impenjati li nissoktaw b’iżjed investiment f’numru ta’ lokalitajiet tradizzjonali turistiċi u oħrajn biex nassiguraw li jkollna pajjiż iżjed nadif, attraenti u isbaħ,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield elenka kif sentejn ilu kienet saret wegħda elettorali li kienet se taċċerta li jiġi mħejji pjan speċifiku għaż-żamma u t-tindif taż-żoni l-iżjed turistiċi madwar pajjiżna. “Illum qed inħabbru t-twettiq ta’ dak li kien ġie mwiegħed, b’investiment sostanzjali li se jaċċerta li dawn l-inħawi, li huma fost l-iżjed frekwentati, jiġu mgħammra bit-tagħmir meħtieġ.” Huwa saħaq li dan qed isir primarjament għar-residenti ta’ dawn l-inħawi kif ukoll għal dawk it-turisti li jżuruhom.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara sostna li dan il-makkinarju ser itejjeb bil-kbir il-ħafna ħidma li diġà qiegħda ssir ta’ kuljum biex iż-żoni ta’ Paceville, San Ġiljan u Tas-Sliema jkunu iżjed nodfa.

Ekonomija

Sport