Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti attenda għat-tnedija tal-kompetizzjoni CanSat li saret fil-Park Nazzjonali tal-Majjistral. Din l-attività mmarkat il-qofol ta’ xhur ta’ ħidma intensiva minn studenti minn madwar Malta u Għawdex li ddisinjaw u bnew satelliti żgħar li jiffunzjonaw b’mod sħiħ.
Il-kompetizzjoni CanSat, ikkoordinata lokalment minn Esplora fi ħdan Xjenza Malta, inkoraġġiet lill-istudenti biex joħolqu satellita d-daqs ta’ bott tal-luminata. Matul l-avveniment, dawn is-satelliti ttajru permezz ta’ drone biex iwettqu l-għanijiet ta’ missjoni speċifiċi, fejn l-istudenti setgħu japplikaw proċessi ta’ inġinerija spazjali f’kuntest reali. It-timijiet parteċipanti kienu jinkludu CANAIR (MCAST), Sacred Stars (Sacred Heart), Material Girls u Unofficial NASA (San Anton), kif ukoll l-ASTRO_POLARIS_26 (l-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ ta’ Għawdex Ninu Cremona).
Fl-indirizz tiegħu lill-parteċipanti, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza tat-tagħlim esperjenzali. Huwa qal li, “Inizjattivi bħal CanSat jipprovdu lill-istudenti l-opportunità li japplikaw ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika f’kuntest tad-dinja reali, filwaqt li jiżviluppaw ħiliet ewlenin bħall-kreattività, il-ħsieb kritiku, il-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni. Il-vjaġġ tagħkom sat-tnedija tal-lum jirrifletti dedikazzjoni u perseveranza kbira.”
Is-segretarju parlamentari żied jispjega li din l-inizjattiva hija parti mill-impenn usa’ tal-Gvern li jinvesti fiż-żgħażagħ u jsaħħaħ ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni u r-riċerka. “Permezz ta’ dawn l-opportunitajiet, qed inħeġġu aktar studenti jesploraw karrieri fl-oqsma STEM u s-settur spazjali, li huma kruċjali għall-futur ta’ pajjiżna,” stqarr is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.
It-tim li jirbaħ il-kompetizzjoni nazzjonali se jkollu l-opportunità unika li jirrappreżenta lil Malta fl-avveniment internazzjonali ‘Space Engineer for a Day’. Dan se jsir f’Ġunju li ġej fiċ-ċentru tekniku tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fl-Olanda, fejn l-istudenti Maltin se jaħdmu flimkien ma’ sħabhom minn madwar l-Ewropa.
Permezz ta’ proġetti bħal CanSat, Xjenza Malta u Esplora qed ikomplu jispiraw lill-ġenerazzjoni li jmiss biex timmira lejn livelli ogħla fl-innovazzjoni u x-xjenza prattika.


