Monday, April 27, 2026

Trump jgħid li ma kienx inkwetat waqt l-isparatura tas-Sibt

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li ma kienx inkwetat waqt l-isparatura li seħħet is-Sibt li għadda f’Washington, fejn kienet qiegħda ssir ikla għall-Assoċjazzjoni tal-Korrispondenti tal-White House. 

Huwa ddikjara dan f’intervista li kellu ma’ 60 Minutes. Mistoqsi dwar kif seħħew l-avvenimenti, fejn kien JD Vance li ġie evakwat l-ewwel, Trump irrikonoxxa li ma kinitx faċli għall-aġenti tas-Servizzi Sigrieti li jevakwaw lilu mill-kamra fejn kienet qed issir l-ikla. “Ridt nara x’kien qed jiġri. U sa dak il-ħin bdejna nirrealizzaw li forsi kienet problema serja,” qal Trump. 

L-allegat aggressur, Cole Tomas Allen ta’ 31 sena minn Kalifornja, kien arrestat minnufih wara li seħħ il-każ.

Sadanittant, fi stqarrija maħruġa minn Buckingham Palace ntqal li ż-żjara tar-Re Karlu III fl-Istati Uniti se ssir kif pjanat, b’xi aġġustamenti żgħar. Din iż-żjara bdiet it-Tnejn. 

Ir-Re mistenni jindirizza kemm il-kmamar tal-Kungress, iżur il-monument iddedikat lill-vittmi tal-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 fi New York u se jattendi għal ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri biex jonora suldati Amerikani u Brittaniċi li mietu f’Virginia.

Donald Trump assigura wkoll li r-Re Karlu III se jkun “sigur ħafna” waqt iż-żjara tiegħu fl-Istati Uniti. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport