Il-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jaħdem fuq iċ-Children’s Policy Framework 2024-2030. Dan bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-investiment fis-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Din l-inizjattiva tirrifletti impenn ċar illi t-tfal jinstemgħu, illi jifhmu r-realtajiet tagħhom u jirrispondu b’mod f’waqtu u responsabbli biex jappoġġjaw is-saħħa mentali tagħhom u l-benesseri ġenerali tagħhom. Huwa proprju f’dan l-ispirtu li għaddej studju nazzjonali sabiex jifhem aħjar l-isfidi ta’ saħħa mentali li jiffaċċjaw it-tfal.
Bħala parti minn dan il-proġett, kien introdott QT Robot, fl-iskola primarja ta’ San Ġwann, bidu ta’ proġett pilota li se jkompli jinfirex madwar pajjiżna. Dan ir-Robot se jservi ta’ mascot u ambaxxatur tas-saħħa mentali tat-tfal u se jkun qed jagħmel preżentazzjonijiet interattivi dwar l-importanza tas-saħħa mentali.
Nhar it-Tnejn filgħodu saret żjara mill-Ministru Michael Falzon u Clifton Grima, fejn tkellmu mat-tfal u anke spjegaw l-importanza tas-saħħa mentali, l-empatija u s-sapport bejn it-tfal infushom.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li l-QT Robot bl-ebda mod ma jissostitwixxi l-interazzjoni umana, u mhux se jkun qed jagħmel dijanjosi jew jipprovdi counselling. “Illum qed inniedu l-ewwel verżjoni tal-mental health toolkit, li se jkun qed jiggwida d-diskussjonijiet fix-xhur li ġejjin bil-għan li, permezz tal-kontribut tat-tfal u tal-professjonisti, naslu għal verżjoni finali u komprensiva tal-Mental Health Toolkit,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Clifton Grima stqarr, “Is-saħħa mentali tat-tfal hija pedament kruċjali għall-iżvilupp tagħhom, u għalhekk irridu nkomplu ninvestu f’ambjenti edukattivi li jrawmu l-benesseri, l-empatija u r-reżiljenza. Dan il-proġett huwa pass importanti biex, flimkien mat-tfal u l-edukaturi, nibnu sistema li tassew tifhem u tappoġġja l-ħtiġijiet tagħhom.”


