Il-Ministeru għall-Ambjent tal-Italja ta l-approvazzjoni lil Malta biex tiżviluppa it-tieni interconnector. Il-permess uffiċjali ingħata mill-Ministeru Tal-Ambjent u s-Sigurtà Enerġetika Tal-Italja (MASE) u dan ser jippermetti lil Malta tiżviluppa t-tieni interconnector fit-territorju Taljan.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli laqgħet dan il-pass importanti fit-triq li jwassal lil proġett jiġi ikkommisjonat fl-2026.
“Qed naħdmu qatih biex inwasslu l-proġetti li jagħmlu parti integrali mill-viżjoni tagħna għall-enerġija. Qed ninfurzaw l-infrastruttura ta’ distribuzzjoni tagħna, qed nagħtu l-opportunita sabiex il-grid ikun jiflaħ għall-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli u qegħdin fit-triq biex inwasslu t-tieni l-interconnector. Dan mhux biss jimmeljora is-sigurtà tal-provvista tagħna, iżda wkoll isaħħah il-konnessjoni tagħna mal-Ewropa kontinentali biex jippermetti aktar enerġija rinnovabbli,” qalet il-Ministru Dr. Miriam Dalli.
L-aħħar pass li kien jifdal fil-proċess tal-permess tal-iżvilupp Taljan kien l-approvazzjoni formali ta Ministeru tal-Ambjent u Sigurtà Enerġetika. Qabel din is-sena, bħala parti mill-istess proċess, MASE temm il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati b’riżultat pożittiv, u r-Reġjun Sqalli ta l-approvazzjoni għall-proġett.
Il-Ministru Dalli rringrazzjat ukoll lill-kollega Taljan tagħha, Dr. Gilberto Pichetto Fratin għall-kooperazzjoni mill-qrib. “It-tieni interconnector mhux biss se jipprovdi sigurtà tal-provvista iżda ser jippermetti wkoll l-integrazzjoni dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli indiġena,” qalet il-Ministru.
Il-proġett tat-tieni interconnector jinkludi cable elettriku li jaħdem b’kurrent alternat, ta’ vultaġġ għoli ta 220kV, ta’ 122 kilometru. Il-proġett jinkludi sezzjoni ta’ cable sottomarin b’tul ta’ 99 kilometru. Il-proġett se jsaħħaħ l-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ Malta mal-infrastruttura Ewropea.
Bħala parti mill-proċess tal-permess Taljan, Interconnect Malta (ICM) kisbet il-permessi ta’ żvilupp f’Malta u għaddej ukoll bil-proċessi ta’ ħruġ ta’ tenders u għoti ta’ kuntratti għall-inġinerija, l-akkwist u l-kostruzzjoni.
“Wara li fil-ġimghat li għaddew bdew ix-xogħlijiet ċivili f’Malta, bil-kostruzzjoni ta’ walk-in culvert fil-Magħtab, il-hruġ tal-permess fl-Italja jagħtina l-possibbiltà li nkunu nistgħu nibdew ix-xogħlijiet fuq il-21 kilometru bejn Marina di Ragusa u Ragusa fl-Italja u fil-futur, fil-baħar bejn iż-żewġ pajjiżi,” qal Dr. Ing. Joseph Vassallo.
Minbarra dan il-proġett, Interconnect Malta qed taħdem fuq, fost oħrajn, sistemi ta’ ħażna tal-enerġija tal-batteriji (BESS) u qed timmaniġġja l-PQQ għall-proġett fuq il-baħar ta’ enerġija rinnovabbli mir-riħ, tnax-il mil nawtiku ’l barra mix-xatt.
IC2 qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027.