Friday, December 20, 2024

L-IVVJAĠĠAR

Aqra wkoll

Bil-pandemija tal-Covid, l-ivvjaġġar ikkollassa fl-Ewropa. Malli l-imxija battiet, l-ivvjaġġar sploda. In-nies bħal riedet tpatti għax-xhur li baqgħet magħluqa “ġewwa”. L-industrija tal-ivvjaġġar setgħet tpatti għaż-żmien ta’ nixfa li għaddiet minnu.

Imbagħad skattat l-inflazzjoni. L-għoli tal-prezzijiet sploda hu wkoll b’rankatura li konna ilna d-deċennji ma naraw. In-nies kien se jkollha tħallas ħafna aktar biex iżżomm id-dar sħuna u tixtri l-ikel li mdorrija bih. Bl-inflazzjoni, iż-żewġ spejjeż kienu se jsiru eżorbitanti. Ħafna stennew li l-ivvjaġġar se jintlaqat.

Ma ġarax hekk. L-ivvjaġġar baqa’ jirranka. Stagħġibt xi ftit ġimagħtejn ilu meta uffiċjali tar-Ryan Air ilmentaw kif qatt qabel il-kumpanija tagħhom ma kellha żżid il-prezzijiet tagħha b’10 fil-mija fis-sena għal sentejn wara xulxin. Meta saqsejthom kif diż-żieda kienet laqtet il-bejgħ tal-vjaġġi, qaluli li xejn li xejn. Anzi kien qed ikollhom aktar bejgħ.

POLITIKA PERSONALIZZATA

Il-prattika tal-politika dejjem kienet personalizzata: bil-maqlub tal-football, logħba kompetittiva oħra, dejjem kien aċċettat li se jiġu attakkati l-personalitajiet, u bil-kbir. Imma sa ftit taż-żmien ilu, dil-ħaġa kienet l-aktar tiġri fir-rigward tal-mexxejja u dawk qrib tagħhom.

Ma narax li għadu daqshekk illum. Il-personalizzazzjoni tal-attakki politiċi infirxet, u tiġi mmirata lejn nies li jieħdu sehem fil-politika mingħajr ma jkunu xi protagonisti. Kollox jiswa biex jiġu mmuntati attakki ta’ dat-tip kontra n-naħa l-oħra.

Il-mezzi soċjali tal-kumnikazzjoni bla dubju għenu biex dil-bidla tieħu l-għerq. Permezz tagħhom kulħadd jista’ jikkommunika informazzjoni dwaru nnifsu; jista’ jikkummenta dwar ħaddieħor, anke fi kritika mill-aktar qarsa u personali; jista’ jsegwi x’qed jgħid ħaddieħor fuq dan jew dak. Fin-niċċa personali tiegħu jew tagħha, kulħadd sar jew jista’ jsir protagonist.

U allura, bilfors jinfirex b’mod ġenerali, sparar personalizzat f’kull livell politiku.

WISQ BARRANIN?

Li hawn numru sostanzjali ta’ barranin jgħixu f’pajjiżna kulħadd jaf; hekk li dal-fatt ftit sar iqajjem diskussjoni. Il-mistoqsija li tqum hi jekk hux tassew li hawn wisq barranin. Naħseb li maġġoranza taqbel li iva; minoranza mhux żgħira u intelliġenti ssostni li l-mistoqsija hi vojta.

Għax x’jikkostitwixxi “wisq”? Fuq liema kriterji se naqblu li numru jew ieħor, jagħmel sens?

Fit-turiżmu pereżempju, matul is-snin, in-numru massimu ta’ turisti li nistgħu nipprovaw niġbdu lejn xtutna tela’ minn ftit mijiet tal-eluf għal 2 miljuni u issa jekk fhimt tajjeb, resqin lejn miri ta’ 5 miljun.

Il-mistoqsija – naħseb – m’għandhiex tkun kemm nifilħu, imma din: il-barranin li jiġu fostna biex jgħixu jew għall-vaganza, qed jagħtu/jistgħu jagħtu kontribut siewi? Aħna kemm qed inħalluhom/ngħinuhom jagħmlu hekk? Kemm qed niżguraw li l-kontribut tagħhom hu verament siewi?

Ekonomija

Sport