“Ma nistgħux nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda” – hekk qal l-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard f’kumment li ta lil L-Orizzont fir-rigward tal-aġġornamenti ta’ ċerti regoli li qed jitfasslu mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jkun hemm monitoraġġ aktar mill-qrib fuq kemm jużaw fjuwil il-vapuri u kemm dawn qed iniġġsu l-arja.
Għalkemm dan imur id f’id mal-ħidma kontinwa li qed issir għal ambjent iżjed nadif u huwa pass pożittiv, fi kliem Daniel Attard id-dettall fl-aġġornament ta’ dawn ir-regoli huwa kruċjali ħafna. Dan għaliex it-tibdil propost qed ipoġġi l-vapuri fl-istess katergorija minkejja li dawn joperaw b’mod ferm differenti minn xulxin.
F’dan ir-rigward l-Ewroparlamentari kiteb lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiddefendi l-interessi tal-operaturi tat-tugboats li ħafna minnhom huma intrapriżi żgħar u medji.
Attard stqarr li huwa importanti li fit-tibdil proposr dejjem ikun hemm bilanċ. F’dan il-każ irid jibbilanċja l-protezzjoni ambjentali mal-appoġġ għall-industrija marittima, li huwa settur li jimpjega eluf ta’ Maltin u Ewropej oħra.
Fl-ittra tiegħu, Daniel Attard għalhekk talab lill-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha biex issir id-distinzjoni meħtieġa u biex l-operaturi Maltin u Ewropej, li l-maġġoranza tal-operat tagħhom hu fil-portijiet tagħna, ma jitgħabbewx bl-istess piż ta’ bastimenti ferm akbar minnhom li jaħdmu fl-ibħra internazzjonali.
L-Ewroparlamentari kkonkluda li dan kollu huwa konsistenti mal-ħidma tiegħu li qed jagħmel ta’ kuljum fil-Parlament Ewropew favur l-interess nazzjonali u li tmur dejjem kontra l-politika tal-one-size-fits all.
Intant, ma’ L-Orizzont Attard spjega li wara l-pass li ħa, huwa kellu laqgħa pożittiva mal-Kummissjoni Ewropea dwar it-talbiet tiegħu, u se jibqa’ jinsisti b’mod proattiv biex isir it-tibdil mitlub. Liema tibdil jilħaq bilanċ bejn l-ambjent u l-industrija.
L-Ewroparlamentari Laburista tenna li dan huwa l-mod li rridu naħdmu bih – billi nantiċipaw ir-regolamenti u nġibu l-bidliet qabel jiġu ppubblikati bil-għan li tiġi evitata l-ħtieġa ta’ proċeduri legali.