Din il-ġimgħa l-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard inħatar b’mod unanimu fit-Tmexxija tat-Task Force tat-Turiżmu tal-Parlament Ewropew. Din il-ħatra, bl-appoġġ ta’ kull grupp politiku, hija xhieda tal-fiduċja fl-impenn ta’ Attard biex isaħħaħ dan is-settur kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività fl-Ewropa.
F’kummenti li ta lil It-Torċa, l-Ewroparlamentari Daniel Attard qal li din il-ħatra ġġib magħha aktar responsabbiltà biex ikompli jaħdem favur turiżmu li jindirizza l-isfidi ta’ żminijietna u li jagħti aktar opportunitajiet lill-komunitajiet tagħna. “Lil hinn mit-titli, din il-kariga hija xhieda tal-ħidma li għamilna biex nibnu relazzjonijiet li permezz tagħhom niksbu riżultati pożittivi għal Malta”, qal Attard.
Minn mindu beda l-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew Daniel Attard dejjem saħaq li fit-turiżmu hemm diversi sfidi komuni li jirrikjedu soluzzjoni komuni bl-appoġġ u s-sostenn dirett tal-Unjoni Ewrpoea. Ewlenin fost dawn hemm is-sostenibbiltà, in-nuqqas ta’ ħaddiema, u l-bżonn li l-komunitajiet lokali jingħataw aktar appoġġ. Dawn kollha huma temi li se jkunu fiċ-ċentru ta’ ħidmet Daniel Attard f’dan ir-rwol li ġie fdat bih. “Din mhix biss politika imma hija viżjoni għal turiżmu li jħares ’il quddiem, isaħħaħ il-kompetittività, u jipproteġi l-wirt kulturali tagħna,” żied jgħid Attard.
Din l-aħbar timmarka sitt xhur ta’ ħidma konsistenti fil-Parlament Ewropew, wara li fl-aħħar ġimgħat Daniel Attard inħatar ukoll fuq in-Netwerk tal-Petizzjonijiet u kif ukoll Viċi President tad-Delegazzjoni għall-Iran.
Dan apparti t-taħdidiet kontinwi mal-Kummissjoni Ewropea fuq diversi temi t’interess nazzjonali, sabiex l-Ewroparlamentari Laburista jiżgura li l-prijoritajiet ta’ Malta u Għawdex jiġu riflessi fil-livelli kollha tal-politika Ewropea.