Monday, May 13, 2024

“L-MEPs tal-PN bi track record ikasbru lil Malta fi Brussell”- Il-Partit Laburista

Aqra wkoll

Differenza ċara bejn min irid jagħti s-saħħa lill-Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej u Oppożizzjoni li kontinwament taħdem ‘għalik’ kontra Malta.

Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista indirizzata mill-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba u Claudette Abela Baldacchino fejn saħqu kif l-Oppożizzjoni fi Brussell trid tmur għal żewġ għanijiet: l-avvanz personali tagħhom u biex jattakkaw il-Gvern billi jattakkaw lil Malta.

“Kulħadd jaf li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista s-‘selling point’ tagħhom biex jintgħoġbu mal-establishment, hu dwar kemm se jattakkaw lill-gvern. Kburin li jkunu parti minn riżoluzzjonijiet kontra Malta. Le mhumiex favur ir-rule of law. Huma kontra Malta. Kieku jemmnu fir-rule of law, kienu jitkellmu wkoll dwar ir-riformi kbar li għamilna. Imma fuq kollox ma kinux jaqgħu fir-redikolaġni li jattakkaw lill-Malta, u jaħdmu riżoluzzjonijiet kontra Malta. Dan fl-istess ħin kienu difensuri primi ta’ pajjiżi oħra. Hemm toħroġ l-ipokrezija,” qal Alex Agius Saliba filwaqt li fakkar kif Roberta Metsola meta ġiet affaċċjata bi kritika, ibblukkat, iċċensurat u nfexxet f’attakki kontinwi, sew dwar ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt u drittijiet fundamentali fil-Bulgarija u sew dwar il-pożizzjoni tagħha dwar il-Lvant Nofsani.

Il-kandidata Claudette Abela Baldacchino saħqet li fit-8 ta’ Ġunju “irridu niddeċiedu jekk hux se ninsew meta s-sena li għaddiet David Casa kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda proċess li jissospendi l-fondi lil Malta, jew jitwaqqaf id-dritt tal-vot fil-Kunsill Ewropew. Għax hekk jaħdem l-establishment Nazzjonalista, jipprova jweġġa’ lill-pajjiż bit-tama li jirbaħ hu… Aħna differenti. Is-saħħa lil Maltin hija l-politika tagħna għaż-żmien li ġej. Fl-aħħar snin rajna ħidma fuq livell ewropew, f’oqsma diversi u b’mod koordinat, biex jitwessgħu il-kompetenzi Ewropej.”

Dawn huma d-differenzi ewlenin bejn il-kandidati tal-PL u l-PN. Il-Partit Laburista, fuq livell Ewropew ukoll, se jibqa’ jfittex l-interessi ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport