Il-Malta Football Assciation (MFA) reċentement laqgħet rappreżentanti ta’ Chesterfield FC bħala parti mill-kollaborazzjoni li għadha għaddejja bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet, wara l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim (MoU) aktar kmieni din is-sena.
Is-sħubija, li tiffoka fuq l-iżvilupp tal-football, l-iskambju tal-għarfien u l-koperazzjoni internazzjonali, tipprovdi opportunitajiet għaż-żewġ organizzazzjonijiet biex jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom f’oqsma bħall-coaching, l-iżvilupp tal-players, l-edukazzjoni teknika, l-involviment tal-komunità u oqsma oħra relatati mal-iżvilupp tal-football.
Element ewlieni taż-żjara kien l-edukazzjoni tal-coaches u l-iżvilupp professjonali kontinwu (CPD). Chesterfield FC organizza żewġ sessjonijiet ta’ CPD għall-coaches tal-MFA, li ffukaw fuq l-Identifikazzjoni u l-Iżvilupp tat-Talent, kif ukoll il-Coaching Prattiku f’Ambjenti Professjonali. Is-sessjonijiet kellhom attendenza kbira minn coaches u taw lill-parteċipanti l-opportunità li jiksbu għarfien dwar l-ambjenti tal-football professjonali u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-istaff ta’ Chesterfield FC.
Iż-żjara inkludiet ukoll laqgħat tekniċi bejn ir-rappreżentanti ta’ Chesterfield FC u ċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, fejn ġew diskussi l-edukazzjoni tal-coaches, l-identifikazzjoni tat-talent, il-perkorsi u l-kura tal-players. Ingħatat attenzjoni partikolari lill-opportunitajiet għall-coaches u l-istaff tekniku Malti biex jiksbu aktar esponiment għall-ambjent tal-football professjonali fl-Ingilterra permezz ta’ żjarat ta’ studju, esperjenzi ta’ xogħol u skambji fil-futur.
Parti importanti mill-programm kienet iż-żjara lil clubs tal-football lokali f’Malta, li ppermettiet lid-delegazzjoni ta’ Chesterfield FC tikseb fehim aktar wiesa’ tal-ambjent tal-football Malti. Id-delegazzjoni żaret lil Hibernians FC, Melita FC u Luxol St. Andrew’s FC, fejn intlaqgħet b’mod kordjali mill-uffiċjali tal-clubs u l-istaff tekniku. Id-delegazzjoni żaret ukoll il-Mediterranean College of Sport sabiex tikseb għarfien dwar il-filosofija tagħhom.
Il-programm ipprovda wkoll opportunità biex jiġi esplorat ir-rwol usa’ tal-football fi ħdan il-komunità. Id-diskussjonijiet mad-Dipartiment tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Football tal-MFA ffukaw b’mod partikolari fuq il-Walking Football u l-involviment tal-komunità, b’Chesterfield FC taqsam l-esperjenza tagħha fit-twettiq ta’ inizjattivi bbażati fil-komunità.
Iż-żjara kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-MFA u Chesterfield FC u pprovdiet pjattaforma prattika biex l-għanijiet tal-MoU jinbidlu fi skambji kontinwi, opportunitajiet ta’ tagħlim u proġetti kollaborattivi.
Is-sħubija se tkompli permezz ta’ programm ta’ skambji tekniċi ppjanati, inizjattivi ta’ edukazzjoni għall-coaches, attivitajiet għall-iżvilupp tal-players u żjarat reċiproċi, biż-żewġ organizzazzjonijiet impenjati li jaqsmu l-għarfien u joħolqu aktar opportunitajiet għall-iżvilupp tal-football.
L-MFA tħares ’il quddiem biex tkompli din il-kollaborazzjoni ma’ Chesterfield FC u tibni fuq il-pedamenti pożittivi stabbiliti matul din iż-żjara.




