“Pass ’il quddiem.” Hekk iddikjara l-President tal-Għaqda tal-Kuċċiera tal-Karozzini ta’ Malta Kevin Debono f’kummenti ma’ dan il-ġurnal b’rabta mal-miżura temporanja ġdida introdotta li permezz tagħha l-karozzini mhux se joperaw meta tinħareġ twissija ħamra għal sħana estrema.

Lil Debono sibnieh biswit iż-żiemel u l-karozzin tiegħu qrib il-Valletta Waterfront, taħt it-tinda, jistenna sa minn kmieni filgħodu lit-turisti biex idawwarhom mal-Belt Kapitali. Flimkien miegħu kien hemm ukoll numru ta’ kuċċiera oħra jistennew li jibdew il-ġurnata tax-xogħol tagħhom.
Huwa stqarr li bħala Għaqda ilhom ħafna jikkonsultaw u jitkellmu dwar il-kwistjoni tas-sħana, kemm għall-għajxien tal-familji tagħhom kif ukoll għall-kundizzjonijiet taż-żwiemel.

Debono fakkar li “ż-żwiemel tagħna li jintramaw kollha fil-karozzini għaddejjin minn ċertifikat mediku, minn veterinarju professjonali taż-żwiemel. Kull sentejn nippreżentaw ċertifikat ukoll lil Transport Malta filwaqt li nuru li ż-żwiemel tagħna jkun qegħdin jinżammu fl-aqwa kundizzjonijiet.”
Dwar il-miżura temporanja ġdida li l-kuċċiera jwaqqfu volontarjament l-operat tagħhom kull meta jinħareġ Extreme Heat Warning, Debono jgħid li din kienet “pass ’il quddiem” u li saret wara li ntlaħaq qbil mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said u l-kuċċiera kollha. Dan filwaqt li saħaq li għaddejjin aktar taħditiet dwar it-triq ’il quddiem f’dan ir-rigward.
Ta’ min jgħid li apparti din il-miżura, sal-31 t’Awwissu li ġej, bejn is-1.00 p.m. u l-4.00 p.m., il-karozzini ma jistgħux jintużaw fit-toroq u jridu jinżammu fid-dell. Dawn il-ħinijiet huma skont ir-regolamenti dwar l-użu tal-karozzini.

Mistoqsi x’jixtiequ jaraw aktar, Debono jgħid li “nixtiequ tined tajbin. Tmur biex taħdem filgħodu u ssib żewġ karozzi taħt it-tinda tiegħek. Ikolli ħafna taħditiet ma’ Transport Malta. Issa ġew approvati it-tined tal-Belt kollu u se jibdew ix-xogħlijiet biex dawn it-tined jiġu restawrati kollha.”
Huwa temm b’appell: “Nixtiequ li l-pubbliku jkun koperuż magħna. Dan huwa l-għajxien tagħna. Iż-żwiemel inħobbuhom. Biex tagħmel dan ix-xogħol trid tkun iddedikat għalih.”

