Friday, August 14, 2026
Home Internazzjonali Il-marda tal-Ebola mistennija tkun l-aktar waħda fatali li qatt kien hawn

Il-marda tal-Ebola mistennija tkun l-aktar waħda fatali li qatt kien hawn

0
11

Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) Tedros Adhanom Ghebreyesus stqarr li t-tifqigħa attwali tal-Ebola fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tinsab miexja biex taqbeż l-agħar tifqigħa ta’ din il-marda li qatt ġiet irreġistrata.

Ghebreyesus qal lill-ġurnalisti li t-tifqigħa attwali, bir-ritmu li għaddejja bih bħalissa, se “taqbeż” dik tas-snin 2014-2016, li kienet ħasdet il-ħajja ta’ mill-inqas 11,000 persuna. It-tifqigħa ta’ din is-sena, li ġiet iddikjarata fil-15 ta’ Mejju li għadda, irreġistrat mill-inqas 4,300 każ ta infezzjoni u diġa ħasdet il-ħajja ta aktar minn 2,000 persuna.

Nhar l-Erbgħa, id-WHO esprimiet it-tama li twaqqaf it-tixrid tal-marda fi żmien tliet xhur, iżda wissiet li dan kien ifisser li t-trażmissjoni tiġi kkontrollata u mhux li l-imxija tal-marda tintemm għalkollox.

L-epidemija ġiet iddikjarata uffiċjalment f’Mejju, iżda huwa maħsub li l-marda bdiet tinfirex mill-inqas tliet xhur qabel, skont ma qalu uffiċjali tas-saħħa din il-ġimgħa.

Dr Mohamed Janabi, id-Direttur tad-WHO għall-Afrika, qal waqt konferenza stampa fil-belt ta’ Bunia, qrib iċ-ċentru tat-tifqigħa li “aħna qed niġru wara l-virus iżda il-virus jinsab pass quddiemna. Huwa rrefera wkoll għal riċerka li turi li l-virus beda jinfirex fi Frar u li fil-bidu kien maħsub bħala malarja jew tifojde.

It-tifqigħa tal-2026 hija kkawżata mill-varjetà rari tal-virus Ebola magħrufa bħala “Bundibugyo”, li qabel kienet ikkawżat biss żewġ tifqigħat magħrufa – fl-2007 u fl-2012. Sa issa m’hemm l-ebda vaċċin approvat jew mediċina terapewtika rikonoxxuta li tista’ tikkura din il-varjetà tal-virus.

L-instabbiltà reġjonali kontinwa fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kompliet iżżid l-isfidi biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-marda. B’riżultat ta’ dan, il-ħaddiema tas-saħħa qed jirnexxilhom jilħqu biss madwar 30% tal-każijiet.

L-Ebola hija marda rari kkawżata minn virus iżda fatali, b’sintomi li jibdew jidhru fi żmien bejn jumejn u 21 jum mill-infezzjoni. Sintomi simili għal dawk tal-influwenza jew tal-malarja, inklużi deni, uġigħ ta’ ras u għeja, jistgħu jibdew f’daqqa. Hekk kif il-marda tavvanza, jistgħu jseħħu rimettar u dijarea, li jwasslu għal falliment tal-organi. Il-virus jinfirex minn persuna għal oħra permezz ta’ kuntatt ma’ fluwidi tal-ġisem infettati, bħad-demm jew ir-rimettar.

L-awtorità regolatorja tal-mediċini fir-Renju Unit, l-MHRA, tat il-permess biex jibdew l-ewwel provi fuq il-bnedmin ta’ vaċċin għall-virus Bundibugyo. Il-vaċċin qed jiġi żviluppat minn tim tal-Università ta’ Oxford abbażi tal-istess teknoloġija użata fil-vaċċin ta’ Oxford-AstraZeneca kontra l-Covid 19.

Hemm ukoll tliet gruppi oħra li qed jiżviluppaw vaċċini differenti għall-varjant Bundibugyo, għalkemm dawn għadhom ma daħlux fil-fażi tal-provi kliniċi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here