Wednesday, April 24, 2024

L-MFA u L-MCAST bi programm ta’ edukazzjoni fiżika fl-iskejjel

Aqra wkoll

Il-Malta FA qed tkompli taħdem mill-qrib mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni u partijiet interessati oħra fis-settur edukattiv biex tippromwovi l-attività fiżika permezz ta’ proġetti mmirati lejn it-tfal tal-iskola.

Inkoraġġiti mis-suċċess tal-programm ‘Fun Fit Football’ introdott fl-iskejjel primarji fl-istaġun li għadda, permezz tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, il-Malta FA  ​ingħaqdet mal-MCAST biex twettaq riċerka dwar il-benefiċċji u l-effetti tal-programm ta’ attività fiżika, mifrux fuq ħamest ijiem fil-ġimgħa.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, li sar is-Sibt fis-Centenary Hall, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA, Angelo Chetcuti, qal: “Lil hinn mill-attenzjoni u l-pubbliċità lill-football kompetittiv, il-Malta FA qed iżżid l-impenn tagħha biex tkun bħala katalist fit-trawwim ta’ kultura sportiva minn età żgħira minħabba li din hija l-bażi għall-iżvilupp f’kull livell tal-isport.

“It-tnedija ta’ dan l-istudju, intitolat ‘Fun Fit Five’ hija parti importanti minn dan l-impenn biex tħeġġeġ lil uliedna jagħmlu aktar attività fiżika. Din l-inizjattiva hija possibbli biss grazzi għar-riżorsi u l-assistenza li l-Malta FA tirċievi permezz tal-programmi ta’ assistenza tal-UEFA u l-FIFA.

17,000 student jipparteċipaw fil-programm ‘Fun Fit Football’

“Ir-riċerka hija komponent ewlieni biex issaħħaħ il-progress u jien konvint li dan l-istudju se jgħinna nfasslu programmi aħjar ta’ attività fiżika għat-tfal fl-iskejjel filwaqt li nsaħħu dawk eżistenti.

“Din l-inizjattiva edukattiva tikkumplimenta l-proġett ‘Fun Fit Football’ li tnieda fl-istaġun li għadda fl-iskejjel primarji tal-gvern madwar Malta u Għawdex. Madwar 17,000 tifel u tifla ħadu sehem fis-sessjonijiet tal-’Fun Fit Football’ li, minn dan l-istaġun, qed jiġu estiżi għall-iskejjel tal-knisja u privati” qal Dr Angelo Chetcuti

L-importanza tal-edukazzjoni fiżika

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima, qal: “Bħalissa, in-numru ta’ lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel Maltin ivarja. Il-Gvern huwa kommess li jżid il-ħin allokat għall-edukazzjoni fiżika u jistabbilixxi numru minimu ta’ lezzjonijiet. Irridu nimxu lejn direzzjoni ta’ mudell li bih it-tfal ikollhom attività fiżika darba kuljum.”

L-għan ewlieni ta’ dan l-istudju li hu tip ta’ riċerka estiż fuq perjodu ta’ żmien, huwa li wieħed jifhem kif proġett ta’ attività fiżika f’kull ġurnata fl-iskejjel primarji, se jaffettwa lill-għalliema u l-benesseri tat-tfal.

Il-Professur Joachim James Calleja, l-Uffiċjali Eżekuttiv u Prinċipal tal-MCAST, esprima s-sodisfazzjon ta’ din l-inizjattiva. “Huwa imperattiv li dan l-istudju jgħin lis-settur edukattiv biex jifhem l-isfidi u l-benefiċċji biex tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-istudenti tagħna. Il-Kulleġġ tagħna se jkompli joffri l-appoġġ tiegħu biex isaħħaħ ir-riċerka relatata mal-isport.”

L-istudju ‘Fun Fit Five’, li jiġbor fih tliet skejjel tal-gvern – dawk tal-Pietà, tar-Rabat u taż-Żejtun, se jsir minn team ta’ riċerka kompost minn erba’ riċerkaturi tal-MCAST – Dr Melanie Darmanin, Dr Renzo Kerr-Cumbo, Dr Matthew Muscat Inglott, u s-Sur Heathcliff Schembri. .

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Gareth Sciberras, iċ-Chairman ta’ “Inħobb il-Futbol”, ​​​​li spjega l-missjoni u l-miri tal-Fondazzjoni, jiġifieri aktar aċċessibbiltà u parteċipazzjoni akbar fil-football, ​​li jistabbilixxi triq definita mill-grasroots għall-football elite, u t-tisħiħ ta’ inizjattivi ta’ responsabbiltà soċjali.

Sport