Il-Malta FA u s-Supporters’ Group tat-team nazzjonali, South End Core, iffirmaw Memorandum of Understanding li jkopri l-logħbiet f’darna tal-partiti tat-Team Nazzjonali A tal-Irġiel fuq perjodu ta’ sena.
Il-ftehim jirrikonoxxi lis-South End Core bħala l-grupp uffiċjali tal-partitarji tas-selezzjonijiet kollha tat-timijiet nazzjonali u se jara li l-Malta FA tassisti fit-tnedija promozzjonali tal-partiti f’darna, filwaqt li tiffaċilita wkoll it-twaqqif ta’ koreografiji għal esperjenza unika, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.
Għal-logħbiet barra minn xtutna, is-SEC se jkunu responsabbli tal-biljetti b’mod uffiċjali f’isem il-Malta FA. Barra minn hekk se jinħatar uffiċjal mill-Assoċjazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-kommunikazzjoni u tingħata wkoll assistenza lis-SEC li se jkunu qed jappoġġaw is-selezzjonijiet tat-timijiet nazzjonali tal-Irġiel u tan-Nisa ta’ etajiet differenti.
Meta tkellem wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-President tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, qal: “Aħna tassew kuntenti li kkonkludejna dan il-ftehim li permezz tiegħu l-Assoċjazzjoni se tassisti lis-South End Core b’ħafna modi.
“Qed inqisu dan l-MOU bħala pass pożittiv ħafna peress li hemm rieda reċiproka biex tissaħħaħ din il-kollaborazzjoni biex jiżdied l-appoġġ kemm għat-timijiet nazzjonali tagħna tal-irġiel kif ukoll tan-nisa waqt il-logħbiet internazzjonali.
“Nistennew bil-ħerqa atmosfera eċċitanti waqt il-logħbiet tat-team nazzjonali u nistiednu lill-partitarji tagħna biex jattendu wkoll għal logħbiet barra minn xtutna f’din il-kampanja ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA. Nippossjiedu team kompetittiv u kulħadd jinsab ħerqan li jappoġġa lill-players bi kburija.”
Ir-rappreżentant tas-SEC, Louis Agius, qal: “Ninsabu sodisfatti li naħdmu flimkien mal-Malta FA biex nappoġġaw lit-timijiet nazzjonali tagħna bl-aħjar mod possibbli. Kulħadd huwa mistieden biex jingħaqad mas-SEC għall-ewwel partita tar-round ta’ kwalifikazzjoni u jgawdi l-atmosfera tal-ground ikkreata mill-partitarji Maltin.”
Malta tibda l-impenji tagħha fil-Kwalifiki Ewropej tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA kontra l-Finlandja, fil-21 ta’ Marzu, fl-Istadium Nazzjonali, fid-8.45 pm.
L-informazzjoni dwar il-biljetti tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Malta FA.