Wednesday, April 24, 2024

L-MFSA tħeġġeġ lill-banek ikunu viġilanti ladarba jonqsu l-miżuri tal-Covid-19

Aqra wkoll

F’ċirkulari li ppublikat illum, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qalet li qed taħdem mill-qrib mal-banek biex tiżgura li huma lesti li jirrikonoxxu twissijiet bikrija ta’ deterjorament tal-kreditu ladarba l-miżuri ta’ appoġġ għall-COVID jitneħħew gradwalment.

L-Awtorita saħqet li ġew introdotti għadd ta’ miżuri mill-awtoritajiet sabiex jappoġġaw l-ekonomija reali iżda dawn setgħu jaħbu problemi ta’ riskju ta’ kreditu li setgħu żviluppaw matul il-pandemija. 

Dawn il-miżuri se jitneħħew gradwalment hekk kif l-attività ekonomika terġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Matul l-2021, l-MFSA eżaminat l-istandards fl-industrija kollha u identifikat xi prattiċi tajba, iżda wkoll għadd ta’ oqsma fejn il-banek f’Malta jeħtieġ li jitjiebu sabiex jissodisfaw l-istandards mistennija. 

L-Awtorità qed tħeġġeġ lill-banek biex ikunu viġilanti u biex jiġbru kwalunkwe sinjali ta’ diffikultà malajr kemm jista’ jkun, peress li dan iżid iċ-ċansijiet li jkunu jistgħu jsibu soluzzjonijiet għall-klijenti tagħhom.

Il-banek jeħtieġ ukoll li jiżguraw li l-kapital tagħhom jirrifletti kif xieraq ir-riskji fil-karta bilanċjali tagħhom. L-MFSA nnutat li l-banek għandhom ikunu jistgħu juru li wettqu valutazzjoni tal-affordabbiltà li tiżgura li kwalunkwe ristrutturar tas-self kien vijabbli.

Sport