L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet ir-regolamenti l-ġodda għall-akkomodazzoni turistika li tħabbru nhar l-Erbgħa.
Kien id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, li ħabbru dawn ir-regolamenti. L-MHRA ddesriviet dawn ir-regolamenti li huma parti minn qafas regolatorju l-ġdid, bħala regolamenti f’waqthom u deċiżivi.
L-Assoċjazzjoni ddikjarat li l-miżuri l-ġodda jibnu fuq l-opportunitajiet maħluqin matul l-aħħar deċennji filwaqt li jidderieġu s-settur lejn l-għanijiet fit-tul ta’ Malta. Żiedet li juru wkoll li Malta qiegħda tagħti prijorità l-investiment fit-turiżmu u l-provvista ta’ akkomodazzjoni li tappoġġja industrija ta’ kwalità u valur ogħla. L-MHRA ma waqfitx hemm u enfasizzat li l-pass li jmiss irid ikun infurzar qawwi u konsistenti.
Filfatt iddikjarat li “l-infurzar issa huwa kritiku. Speċifikament, il-qafas irid jiżgura li s-sidien ta’ kiri għal żmien qasir jinżammu kompletament responsabbli, billi dawn jiġu trattati bħala operazzjonijiet kummerċjali b’obbligi ċari lejn l-Istat u l-komunitajiet lokali.” L-MHRA żiedet li hija meħtieġa wkoll azzjoni fis-settur tar-ristoranti, bars, u klabbs bħala parti mill-viżjoni usa’ ta’ politika meħtieġa biex tikkomplementa dan il-qafas.

