Il-weekend li ġej, is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Settembru, u għall-ewwel darba għal Malta, il-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon (MTF) se tospita l-Junior European Cup u l-Mediterranean Triathlon Championship fiċ-ċirkwit tas-Salina. Aktar minn 180 atleta li ġejjin minn 30 pajjiż differenti, inklużi nazzjonijiet mill-Mediterran u lil hinn, se jikkompetu kontra xulxin f’dawn il-kompetizzjonijiet.
Dawn il-ġirjiet ġewwa pajjiżna se jkun importanti ħafna għat-triatleti li qed jikkompetu peress li din hija l-aħħar kompetizzjoni li fiha jistgħu jiksbu punti għall-klassifika ġenerali fil-kampjonat.
Is-Sibt se jospita l-Junior European Cup.
L-ewwel li jikkompetu se jkunu l-Juniors Maskili, f’3 Semifinali, segwiti minn żewġ Semifinali tal-Juniors Femminili. Wara nofsinhar, Irġiel u Nisa se jiġġieldu fil-Finali f’żewġ kompetizzjonijiet differenti.
Nhar il-Ħadd it-triatleti Elite se jikkompetu fil-Mediterranean Triathlon Championship. Il-Kampjonat se jinvolvi l-Finali ghall-atleti rġiel u nisa. Finalment l-avveniment jagħlaq bil-Junior Mixed Relay.
Il-Premjijiet se jingħataw matul il-Lejla taċ-Ċelebrazzjoni tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon il-Ħadd filgħaxija, filwaqt li se jiġi organizzat kungress is-Sibt wara nofsinhar.
Grazzi speċjali għall-isponsors tal-avveniment Gatorade u Media Troopers, flimkien mall-agenziji governattivi (Visit Malta, SportMalta, Transport Malta u CleanMalta) u għan-numru ta’ voluntiera li għamluha possibbli li jiġi organizzat avveniment sportiv bħal dan f’inqas minn sena li attira numru rekord ta’ atleti minn diversi kontinenti u ser jagħti l-opportunità lill-atleti lokali biex jikkompetu f’kompetizzjoni internazzjonali.