Wednesday, April 24, 2024

L-MUT tordna strajk għal-letturi tal-Junior College

Aqra wkoll

Wara sitt ijiem ta’ direttivi lil-letturi tal-Università ta’ Malta Ġ.F. Abela Junior College, il-Malta Union of Teachers (MUT) qalet li issa qed teskala l-azzjonijiet industrijali bi strajk ta’ sagħtejn illum, kif ukoll bi strajk ta’ ġurnata għada. 

Hija qalet li din l-azzjoni qed isseħħ minħabba n-nuqqas ta’ konklużjoni tal-ftehim kollettiv għal-letturi li jgħallmu l-Junior College. 

L-MUT spjegat li l-ftehim kollettiv skada f’Diċembru tal-2018, u tliet snin wara, l-Università ta’ Malta u l-Gvern għadhom ma wrewx ir-rieda tajba li jikkonkludu n-negozjati sabiex jidħol fis-seħħ ftehim ġdid. 

L-MUT innotat: “Wieħed ma jridx jinsa li l-istess Università ħaffet meta ġiet biex tikkonkludi ftehimiet oħra. Dan juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ stima li t-tmexxija tal-Università għandha lejn il-letturi impjegati tagħha li jagħtu servizz fil-Junior College. L-Università ilha avżata b’din is-sitwazzjoni minn Awwissu li għadda, meta l-MUT iddikjarat tilwima industrijali.”

L-MUT qalet li matul din l-aħħar ġimgħa kien hemm tentattivi mill-Ministru tal-Edukazzjoni l-ġdid Clifton Grima biex is-sitwazzjoni tiġi żblukkata, iżda qalet li dawn it-tentattivi, ma ħallewx frott minħabba r-ras iebsa ta’ xi wħud. 

L-MUT ssotniet li, bħalma għamlet fi ftehimiet preċedenti, mhix ser iċċedi qabel ma tara li l-letturi jingħataw l-għarfien mistħoqq permezz ta’ ftehim kollettiv gdid. 

Għaldaqstant, jekk l-azzjonijiet fis-seħħ mhux ser jagħtu l-frott meħtieġ, l-MUT qalet li lesta li tkompli għaddejja b’azzjonijiet oħra f’waqthom b’konsultazzjoni mal-membri. 

Sport