Thursday, April 18, 2024

L-aġenzija SEM tkompli tassisti iktar lokalitajiet

Aqra wkoll

Permezz ta’ assistenza mogħtija mill-aġenzija SEM, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar kiseb fondi ta’ finanzjament b’valur totali ta’ ftit iktar minn €13,000 mill-programm LEADER tal-Unjoni Ewropea. B’dawn il-fondi se jsiru xogħlijiet ta’ restawr fuq żewġ niċeċ bl-istatwi ta’ San Ġużepp u tar-Redentur fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar.

Il-proġett ġie ppreżentat lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u lill-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Mandy Falzon, mis-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech u mill-Perit Ray Sammut.

Il-kunsill lokali daħal għal dan il-proġett bil-għan li jippreserva dawn iż-żewġ siti li huma parti mill-patrimonju tal-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar, waqt li jippromwovihom bħala attrazzjonijiet kulturali u turistiċi. L-interventi ta’ restawr fuq dawn iż-żewġ niċeċ kienu jinkludu t-tindif tal-istatwi tan-niċeċ b’metodi moderni, it-trattament tal-ġebla tal-franka, it-tneħħija tal-imluħa tal-ġebla, it-tiswija tal-ġebel tan-niċeċ, it-tneħħija tal-ħsara kkaġunata mill-graffiti u mill-vandaliżmu u l-bdil tal-ħġieġ tan-niċeċ li jipproteġi l-istatwi.

Il-Ministru Carmelo Abela faħħar l-isforz li numru ta’ kunsilli lokali qed jagħmlu sabiex jakkwistaw fondi addizzjonali, anke permezz tal-aġenzija SEM, li tassisti fejn ikun hemm bżonn, għal għanijiet bħal dawn. Il-ministru tkellem dwar kemm hu importanti li l-fondi tal-UE jaslu fil-lokalitajiet tagħna. Huwa qal li, “Minkejja li Malta akkwistat, għal dawn is-seba’ snin li ninsabu fihom, l-akbar pakkett ta’ għajnuna finanzjarja mill-UE, is-sodisfazzjontagħna jkun li niġu f’postijiet bħal dawn, li għandhom storja fil-lokalità, u naraw il-proġett komplut, u li permezz ta’ hekk, l-Unjoni Ewropea qed tasal fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna”.

Il-Ministru Carmelo Abela kkonkluda li, permezz tal-aġenzija SEM, il-fondi Ewropej qed jersqu iktar lejn il-lokalitajiet tagħna, bil-għan li ntejbu l-kwalitajiet tal-ħajja tar-residenti kif ukoll nieħdu ħsieb l-ambjent li ngħixu fih, u l-kultura u l-istorja li pajjiżna mogħni bihom.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon, qalet li SEM hija l-aġenzija li toffri assistenza bla ħlas lil organizzazzjonijiet f’Malta u f’Għawdex biex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġetti tagħhom. L-aġenzija SEM tagħmilha aktar faċli dak li ħafna drabi ma jkunx faċli għall-organizzazzjonijiet minħabba r-riżorsi limitati li jkollhom. Mis-sena l-oħra, SEM nediet ukoll servizz ġdid biex saħansitra tgħin organizzazzjonijiet fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġetti miksuba b’fondi tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport