Nhar il-Ġimgħa, l-Oratorju Don Bosco f’Għawdex kellu l-pjaċir jilqa’ grupp sabiħ ta’ żgħażagħ minn diversi pajjiżi Ewropej li bħalissa jinsabu Malta fl-okkażjoni tal-laqgħa EuroBosco.
EuroBosco huwa avveniment li jiġbor flimkien lill-eks-Studenti u lill-Ħbieb ta’ Don Bosco minn madwar l-Ewropa, bil-għan li jġeddu u jsaħħu l-impenn tagħhom favur il-formazzjoni taż-żgħażagħ. Fil-ħsieb u fit-tradizzjoni Sależjana, dan ifisser it-tkabbir armonjuż u bilanċjat tal-moħħ, tal-qalb, tal-fidi u tar-relazzjonijiet umani.
Matul iż-żjara tagħhom, iż-żgħażagħ ġew imfakkra fl-importanza u fil-post speċjali li l-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex għandu fil-komunità Sależjana. Dan l-Oratorju mhux biss huwa post ta’ laqgħa, formazzjoni u ħbiberija, iżda għandu wkoll rabta partikolarment għażiża mal-Kongregazzjoni Sależjana.
Kien proprju minn dan l-Oratorju li ħareġ Don Fabio, li llum qed jaqdi l-missjoni tiegħu bħala Rettur Maġġur tal-Kongregazzjoni Sależjana.
Din iż-żjara kienet opportunità sabiħa biex il-parteċipanti jiskopru aktar dwar il-ħidma Sależjana f’Għawdex u dwar il-kontribut li l-Oratorju ta matul is-snin fil-ħajja ta’ tant żgħażagħ.
Il-laqgħa kienet ukoll xhieda tal-ispirtu ta’ familja, ħbiberija u servizz li jgħaqqad lill-familja Sależjana madwar id-dinja, filwaqt li tkompli tqiegħed liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-missjoni tagħha.
