Daniel Attard maħtur negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew fuq liġi ġdida dwar ix-xiri tal-biljetti tal-ivvjaġġar online

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Daniel Attard inħatar rapporteur u negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew fuq liġi ġdida dwar ix-xiri tal-biljetti tal-ivvjaġġar online. Il-proposta, parti importanti mill-pakkett usa’ tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, għandha tgħin lill-konsumaturi jikkumparaw l-għażliet u jagħżlu l-vjaġġ li jaqbel l-aktar mal-ħtiġijiet u l-baġit tagħhom.

Il-ħatra tfisser li Attard se jfassal il-pożizzjoni tal-Parlament u jmexxi n-negozjati mal-gvernijiet tal-Istati Membri. L-għan hu aktar aċċessibbiltà, trasparenza u għażliet għall-but tal-konsumatur, b’responsabbiltajiet ċari għall-pjattaformi.

Din ir-riforma għandha l-potenzjal li tbiddel il-mod kif miljuni ta’ nies fl-Ewropa jippjanaw il-vjaġġi tagħhom u jixtru l-biljetti, billi tagħmilha aktar faċli li jsibu għażliet adattati għalihom u jgħaqqdu mezzi differenti ta’ trasport fl-istess vjaġġ.

Il-proposta tkopri siti u apps li jgħinu lill-konsumaturi jikkumparaw u jixtru l-biljetti, bħalma huma Skyscanner, eDreams, Trainline u Omio. Tinkludi l-ivvjaġġar bl-ajru, bil-ferrovija, bil-kowċ u bil-baħar.

Attard se jinsisti li l-prezz sħiħ u l-kundizzjonijiet tal-biljetti jkunu ċari. Għandu jkun ċar ukoll għaliex ċerti għażliet jidhru qabel oħrajn u liema huma promossi bi ħlas. Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jikkumparaw il-prezz, it-tul tal-vjaġġ u l-aċċessibbiltà, kif ukoll isibu konnessjonijiet bħal titjira segwita minn vjaġġ bil-ferrovija.

“Kburi li ġejt fdat biex immexxi din il-ħidma f’isem il-Parlament Ewropew. Għal Malta u Għawdex, il-konnessjonijiet bl-ajru u bil-baħar huma essenzjali. Se naħdem għal regoli li jagħmlu differenza fil-prattika u jagħtu lill-konsumaturi fl-Ewropa kollha aktar valur għal flushom”, qal Attard.

Attard żied li ”biex tikkumpara sew, in-nies trid tkun taf x’inhu inkluż fil-prezz u għaliex għażla tidher qabel oħra. Il-pjattaformi jridu jagħmlu din l-informazzjoni ċara”.

Għaldaqstant, il-liġi li se jinnegozja Daniel Attard għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ il-kundizzjonijiet kummerċjali bejn il-pjattaformi u l-operaturi tat-trasport, b’infurzar effettiv biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni u titwessa’ l-għażla. Aċċess aħjar għall-prezzijiet tal-biljetti u għal informazzjoni affidabbli għandu jgħin lill-konsumaturi jikkumparaw aħjar qabel jixtru.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport