Rhysin Farrugia: It-tifel ta’ qalb tad-deheb li stabbilixxa rekord nazzjonali b’risq Puttinu Cares

Aqra wkoll

Ta’ disa’ snin biss, Rhysin Farrugia għasar 75 kilo lumi, ipproduċa erba’ gallun meraq tal-lumi u ġabar is-somma sabiħa ta’ €5,775 għall-karità.

Il-Malta Records ilbieraħ kienet mistiedna f’Città Beland, iż-Żejtun, sabiex tippreżenta rekord nazzjonali ġdid fil-gżejjer Maltin, kisba straordinarja li tgħaqqad it-talent, id-determinazzjoni u, fuq kollox, qalb kbira għall-karità.

Dan ir-rekord inkiseb minn Rhysin Farrugia, li fl-età tenera ta’ 9 snin irnexxielu jagħfas 75 kilo lumi u jipproduċi erba’ gallun ta’ meraq tal-lumi frisk, filwaqt li ġabar is-somma impressjonanti ta’ €5,775 b’risq Puttinu Cares.

Din il-kisba nazzjonali seħħet fl-24 ta’ Ottubru 2025, meta Rhysin wera li l-età mhi l-ebda ostaklu biex wieħed jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Iżda l-istorja tiegħu ma waqfitx hemm. Din is-sena, dan it-tifel ta’ qalb tad-deheb reġa’ wettaq l-istess inizjattiva nobbli. Din id-darba għasar madwar 65 kilo lumi u rnexxielu jiġbor €4,538 oħra għall-istess kawża.

B’dawn iż-żewġ inizjattivi, Rhysin mhux biss qed juri kemm għandu kapaċità u determinazzjoni, iżda fuq kollox qed jagħti eżempju mill-isbaħ ta’ ġenerożità u solidarjetà lejn dawk l-aktar fil-bżonn.

L-għajnuna tiegħu se tkun ta’ sostenn għal Puttinu Cares u għat-tfal u l-familji li għaddejjin minn mumenti diffiċli minħabba problemi ta’ saħħa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport